Raġel ta’ 26 sena residenti l-Qala, baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li nhar il-Ħamis li għadda kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq is-sieħba tiegħu.
Huwa kien akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi lis-sieħba, li kiser il-kwiet pubbliku u li kiser ordni ta’ probation.
Quddiem il-Maġistrat Monica Vella fil-Qorti ta’ Għawdex, il-Prosekuzzjoni spjegat li nhar il-Ħamis għall-ħabta tal-10.30pm il-pulizija ġew informati li kien hemm mara li kellha bżonn l-għajnuna fil-pjazza ta’ Qala.
Il-Prosekuzzjoni qalet li filwaqt li l-pulizija marru mill-ewwel fuq il-post, marret ukoll Ambulanza li ħadet lil mara l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn wara eżamijiet mediċi ġie ċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi fosthom ksur.
Wara li sar l-assenjar mill-ħaddiema soċjali u rriżulta li l-allegat vittma tinsab f’riskju għoli, inħareġ mandatt ta’ arrest fil-konfront tal-imputat fejn f’inqas minn 12-il sena hu kien f’idejn il-pulizija.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda din it-talba sabet l-oppożizzjoni tal-Prosekuzzjoni filwaqt li ddeskriviet il-gravità tal-każ qalet li l-allegat vittma għad trid tixhed.
Il-Maġistrat Vella, wara li semgħet iż-żewġ naħat ordnat li r-raġel jibqa’ jinżamm arrestat.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa’ mill-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Mario Xiberras.


