Friday, November 15, 2024

Ix-xjenza u l-Covid se jiddeterminaw it-terminu effettiv tal-vaċċin

Aqra wkoll

It-Tabib Ewlieni tal-Gvern Dr Walter Busuttil qal li jekk hux se nagħtu l-vaċċin tal-Covid kull sena, jekk hux kull sitt xhur jew erba’ xhur dik tiddeċiedi kważi kważi x-xjenza imma l-aktar li jiddeċiedi huwa l-Covid għax jiddependi kemm se jkun hemm tibdil fil-varjanti.

Mistoqsi jekk nistgħux nibdew nitrattaw il-Covid-19 bħala endemija, jekk għall-argument in-nies mill-awtoritajiet tas-saħħa jgħidulna li rridu nieħdu booster darba f’sena, u jekk id-dinja xjentifika hix mhix lejn dak l-istat, it-Tabib Ewlieni tal-Gvern Dr Walter Busuttil qal li diġà mexjin lejn dak l-istat. 

Waqt ONE Breakfast, Dr Busuttil qal: “Hawn ċertu pajjiżi li diġà għamlu dik id-deċiżjoni. Pereżempju l-Ingilterra u l-Irlanda diġà naqsu ħafna mir-restrizzjonijiet kważi kullimkien u aħna għandna vantaġġ li nistgħu nħarsu lejhom, naraw x’qiegħed jiġri u naraw meta jkun it-temp addattat għalina biex nagħmlu bħalhom. Kulħadd jixtieq li din il-marda tieqaf, imma l-marda mhux se tieqaf. Il-marda għadha hawn u xorta rridu noqgħodu attenti.”

Dr Busuttil qal li pandemija jfisser li hemm infezzjoni jew marda li qed tinfirex mad-dinja kollha fejn il-pajjiżi kollha qed jesperjenzaw din il-problema, bħalma kienet u għadha l-Covid-19.

Qal li wara dik il-fażi jista’ jagħti l-każ li jkun hemm epidemija, li jfisser li jkollhok marda li qiegħda ġo pajjiż jew reġjun wieħed.

Spjega li mbagħad hemm l-endemija li jfisser li hemm marda li qiegħda hemm il-ħin kollu. Bħala spjegazzjoni, qal li l-influwenza tiġi qisha epidemija u endemika fl-istess ħin.

Filwaqt li qal li kieku l-aħjar li kieku ma jkollna bżonn booster qatt, , għax fi kliemu mhuwa fl-interess ta’ ħadd jingħata booster wara ieħor, qabbel dan ma’ persuna bid-dijabete. “Jekk inti dijabetiku u tieħu l-insulina nafu li din taħdem għal sitt sigħat. Jekk imur l-effett tagħha, tieħu d-doża li jmiss tal-insulina. Ħadd ma jgħid għax ħadt injection sitt sigħat ilu allura issa mhux se niħodha. Jekk trid li jgħaddilek id-dijabete allura trid tieħu l-injection li jmiss. Bil-booster l-istess se jkollna nagħmlu. Dan jiddeċiedi l-marda iktar milli niddeċiedu aħna. Bix-xjenza tipprova tirranġa u tagħmilha aktar faċli, pereżempju bl-insulina issa għandna dożi li tiħodha darba kuljum flok tliet darbiet kuljum.”

Ekonomija

Sport