Saturday, December 21, 2024

“Ix-xjuħija hija marda u se jkollna tilqima għaliha”

Professur tal-ġenetika jisħaq li jista’ jipposponi u anke jreġġa’ lura l-arloġġ bijoloġiku

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Nitwieldu, minn trabi nsiru tfal, nilħqu l-adoloxxenza u mbagħad insiru adulti. Dan sakemm bil-mod il-mod navvanzaw fl-età, nixjieħu u mmutu. Dak huwa ċ-ċiklu meqjus normali u aċċettat tal-ħajja iżda dan il-proċess mhuwiex aċċettat mill-professur tal-ġenetika David Sinclair, xjenzat li sar magħruf u anke sinjur fil-ġirja tiegħu kontra l-ħin biex isib il-formola maġika li biha jreġġa’ lura l-arloġġ bijoloġiku tal-bniedem. 

David Sinclair, li ddikjara li diġà rnexxielu jnaqqas l-età bijoloġika tiegħu b’10 snin, qiegħed jikkonvinċi ħafna nies li se jtawwal ħajjet il-bniedem sal-età ta’ 150 sena u dan b’mod li jibqgħu b’saħħithom anke f’din l-età ferm avvanzata. 

Fost il-persuni li għandhom fiduċja u anke jemmnu li Sinclair huwa x-xjenzat li għamel revoluzzjoni f’dan il-kamp tal-ġenetika hemm ibnu stess, Ben Sinclair. F’intervista li l-ġurnal “Boston” għamel mal-familja, iben David Sinclair huwa kkowtat jgħid li jekk missieru jmut, huwa beħsiebu jkompli fuq ix-xogħol tar-riċerka fil-ġenetika li jagħmel missieru. Però, ma’ din l-istqarrija Ben żied jgħid li, “jekk missieri jmut” u dan għall-fatt li t-tfajjel ma jeskludix il-fatt li missieru għandu mnejn ma jmut qatt.

Min huwa David Sinclair?

David Sinclair, li għandu 50 sena imma bil-kemm taħsbu li għandu 40, għadu jħossu tifel. Ix-xewqa kbira tiegħu li jsib mod kif jestendi l-ħajja bi kwalità tal-bniedem bdiet proprju minħabba x-xokk li kien ħa meta kellu 15-il sena u sar jaf li l-qattus li tant kien iħobb kien se jgħix massimu ta’ 15-il sena u li kulħadd imut. Hawnhekk, għall-ewwel darba, irrealizza li dawk kollha li jħobb, xi darba se jmutu. Għalih din ma kinitx se tieqaf hawn. Studja u stinka sakemm irnexxielu jidħol fl-Università ta’ New South Wales u s-suġġett li għażel kien proprju l-bio kemistrija.

Huwa minn dejjem kien jemmen li twieled qabel iż-żmien minħabba l-ideat tiegħu. Deskritt bħala persuna intelliġenti, ħabrieka u li ma jgħejja qatt, Sinclair baqa’ jespandi r-riċerka tiegħu u dan b’ritmu mgħaġġel ferm aktar minn ta’ ħaddieħor. L-ewwel skoperta importanti fil-karriera tiegħu kien meta għall-ewwel darba sab kif jaħdmu l-mekkaniżmi tax-xjuħija fil-ħmira u hawnhekk beda jara kif isib mod biex xi darba jimmanipula dan il-proċess fil-bniedem.

Illum il-ġurnata Sinclair huwa professur fid-dipartiment tal-ġenetika u l-ko direttur tal-Paul F. Glenn, Ċentru għall-Istudji tal-Bijoloġija fl-Età Avvanzata tal-Università ta’ Havard. Hawnhekk, flimkien mal-kollegi tiegħu jistudjaw is-“Sirtuins” – familja ta’ proteini li teżisti f’kull ħlejjaq ħaj. Normalment dawn il-proteini ma jkunux attivi imma meta jiġu attivati permezz ta’ modi partikolari, fosthom li jonqos il-konsum tal-kaloriji, dawn jistgħu jtejbu l-istat ta’ saħħa fiżika u jestendu l-ħajja fil-ħmira. 

Sinclair kien determinat li jsib sustanza li tikkopja l-effetti tar-restrizzjonijiet ta’ kaloriji fil-ħmira, ħaġa li xi darba tista’ tiġi żviluppata bħala mediċina li tfejjaq ix-xjuħija. F’riċerka li fiha studja madwar 20,000 sustanza, dan ix-xjenzat sab ir-“Resveratrol”, molekula li nsibuha fl-inbid aħmar li għal żmien twil jingħad li għandu rwol fis-saħħa tal-bniedem. 

Sinclair bħala espert fil-kamp tal-ġenetika jisħaq li x-xjuħija hija marda u li daqt se jkollna l-għodda biex “neħilsu” minnha. Huwa talab biex nieħdu ħsieb ir-riskji soċjali, ekonomiċi u politiċi kif ukoll il-benefiċċji ta’ dinja li fiha n-nies se jgħixu għal ħafna aktar snin u dan fi stat ta’ saħħa tajba wkoll. 

Dan ix-xjenzat huwa l-ko fundatur ta’ għadd ta’ kumpaniji fis-settur tal-bio teknoloġija; huwa membru ta’ diversi bordijiet u huwa wkoll l-editur tal-ġurnal “Aging”. Sinclair rebaħ aktar minn 35 premju u unuri, mentri fuq it-“Time Magazine” fl-2014 kien tniżżel fost l-aktar 100 persuna affluwenti fid-dinja u darb’oħra, fl-2018, kien fost l-aqwa 50 persuna fil-qasam tas-saħħa.

“Jekk missieri jmut inkompli warajh… imma għandu mnejn ma jmut qatt” – iben ix-xjenzat David Sinclair

Ħajja itwal u b’saħħa fiżika tajba

Il-konvizjoni ta’ Sinclair li se jasal li jestendi l-ħajja tal-bniedem b’kundizzjoni ta’ saħħa tajba sal-età ta’ 150 sena tagħti tama lil ħafna nies madwar id-dinja iżda, il-mod kif jaħdem dan ix-xjenzjat qiegħed iqajjem tħassib fost esperti tas-saħħa u xi drabi anke kritika.

L-estensjoni tal-ħajja tal-bniedem hija riċerka xjentifika li għal dawn l-aħħar snin għamlet żviluppi kbar grazzi għat-teknoloġija avvanzata li ngawdu minnha. Għall-ewwel darba fl-Istorja, riċerkaturi ta’ fama mondjali qegħdin jistudjaw il-mekkaniżmi bijoloġiċi tax-xjuħija b’mira li jnaqqsu r-rata li biha l-bniedem jixjieħ u b’mod ambizzjuż qegħdin jipprovaw ireġġu lura l-arloġġ bijoloġiku uman.

L-għan tar-riċerkaturi mhuwiex li jnaqqsu l-età sempliċiment biex nidhru iżgħar, imma biex jindirizzaw il-fatturi ta’ riskju tas-saħħa fosthom mard tal-qalb, kanċer, dijabete, dementia u mard ieħor li għandna fil-ġurnata tal-lum. Dan l-approċċ radikali fil-kamp mediku jisħaq li jekk jinstab is-sors ta’ dawn il-mard, allura, jistgħu jfejquhom kollha f’daqqa u għaldaqstant il-bniedem jgħix aktar san fuq tul ta’ snin.

Ix-xogħol ta’ David Sinclair huwa ppubblikat f’diversi magażins prestiġġjużi fosthom “Science” iżda lura fl-2010 xjenzati mill-kumpanija farmaċewtika ġganteska Pfizer sostnew li x-xogħol tiegħu fuq Sirtuins ma kienx tajjeb u korrett.

It-tħassib fost kollegi ta’ Sinclair huwa minħabba d-dikjarazzjonijiet bi stat ta’ fatt li jagħmel u barra minnhekk minħabba li x-xjenzat jgħid lin-nies x’tip ta’ vitamini jieħu huwa stess. Fil-fatt, uħud minn dawn għad m’hemmx konferma xjentifika li huma effettivi u siguri għall-użu tal-pubbliku.

Minn intervisti u tagħrif ieħor li jaqsam Sinclair qal li bħala parti mil-istil ta’ ħajja li jgħix – ma jiekolx filgħodu; joqgħod attent għal kemm kaloriji jieħu; jiekol l-aktar ikel veġetarjan; kif ukoll jipprova jevita zokkor u karboidrati. 

Barra minnhekk, fi tmiem il-ġimgħa huwa jagħmel eżerċizzju fiżiku fil-gym u wara sauna taħraq, huwa jinħasel b’ilma ffriżat minħabba li temperaturi estremi jgħinu biex iċ-ċelloli jaħdmu bl-aħjar mod. Sinclair isegwi s-saħħa fiżika u l-età bioloġika tiegħu permezz tat-teknoloġija “Biomarkers” kif ukoll jieħu taħlita ta’ vitamini li mir-riċerka li għamel fuq il-ġrieden, sab li jgħinu jżommulu l-età bijoloġika tiegħu żgħira. 

Skont Sinclair, li qatt ma ħadem mal-industriji farmaċewtiċi għal xi gwadann personali, jemmen li sab molekula mirakoluża li hija s-sigriet tal-ħajja eterna. Jisħaq li s’issa, l-istil ta’ ħajja li ħaddan u n-nutrijenti li jieħu, naqqsulu l-età bijoloġika b’10 snin sħaħ.

Bħala figura kontroversjali fil-kamp xjentifiku, Sinclair huwa rikonoxxut għax-xogħol kbir li jagħmel fil-kamp tal-ġenetika iżda xi kritiċi, li forsi fil-verità huma stess xtaqu li kienu floku, jikklassifikawh bħala bejjiegħ aktar milli bħala xjenzat u li għandu “jżomm ħalqu magħluq għax qiegħed jimbarazza xjenzati normali bil-kliem li jgħid”.

Ir-rapport fuq “Boston” jgħid li proprju wara li tlestiet l-intervista, grupp ta’ xjenzati oħra ppubblikaw studju “ottimist b’konnessjoni ma’ ħajja itwal” u għaldaqstant, dak li jgħid u dak li jixtieq jilħaq Sinclair mhuwiex daqshekk impossibbli u li hemm xjenzati hemm barra li wkoll jaħsbu li dan huwa possibbli.

Jingħad ukoll li l-ħeġġa u l-konvinzjoni, kif ukoll il-fatt li Sinclair diġà beda “jesperimenta” fuqu nnifsu, qraba u ħbieb b’suċċess it-teoriji tiegħu, il-wegħda li fil-futur viċin se jkollna tilqima li treġġa’ lura s-snin avvanzati fuq il-bniedem, mhix daqstant fantaxjenza. Tant huwa hekk li fi kliemu stess, “ħa nkun ċar daqs il-kristall. Le, mhiex fantaxjenza!”

L-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda ddikjarat 10 snin (2021-2030) ta’ Xjuħija Sana u talbet lill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex timplimentah. Ara x’qalet il-WHO billi tagħfas hawnhekk.

Ekonomija

Sport