Tuesday, September 24, 2024

‘Ix-xogħol fuq il-baħar jagħmlek bniedem dixxiplinat u iktar organizzat’

- Charlie Joe Attard

Aqra wkoll

Charlie Jo Attard għandu 24 sena u għandu passjoni kbira lejn il-baħar u l-vapuri. Hu qed jistudja biex isir kaptan, xi ħaġa li llum il-ġurnata ma tantx għadha daqshekk komuni f’Malta.

Din il-gazzetta tkellmet ma’ Attard fejn fissrilna din l-imħabba lejn dan l-element naturali li kif ngħidu għandu “żaqqu ratba iżda rasu iebsa.”

Fil-fatt kif bdiet din l-imħabba lejn il-baħar u l-vapuri?

“Niftakar li kelli dawk l-għaxar snin meta kont għaddej b’vaganza fuq cruise liner u niftakar li kont iltqajt mal-kaptan tal-vapur. Niftakar li kien affaxxinani b’dik l-uniformi li kellu, b’dak il-kappell tipiku li jagħmlek bniedem eleganti u formali u bil-mod kif beda jkellem lit-turisti li kienu abbord.”

“Kien hemm li rajt il-kabina ta’ dan il-cruise liner fejn stajt nara dak li jien insejħilhom ħafna arloġġi u fuq kollox ħafna għodda biex tkun tista’ tmexxi l-vapur bl-aqwa mod possibbli.”

Charlie Jo Attard ta’ żagħżugħ li kien beda jimmaġina aktar dwar il-postijiet li tista’ żżur, pajjiżi u bliet li għandhom kulturi differenti u membri tal-ekwipaġġ li jkunu ġejjin minn pajjiżi differenti. Kulħadd għan wieħed; dak li jwassal lit-turisti fid-destinazzjoni tagħhom. Għalih din hi xi ħaġa sabiħa wisq.

Minkejja kollox, ix-xogħol ta’ kaptan mhux kollox ward u żahar. Hemm diversi sfidi, speċjalment min ikun qed jistudja għal dan ix-xogħol tant sabiħ. 

“Naqbel miegħek li din il-karriera toffri diversi sfidi. Fost kollox hemm ħafna ġranet ‘il bogħod mill-familja u dan il-fattur xejn m’hu faċli. Apparti minn hekk, hemm kaptani li għandhom kuntratt li jridu joperaw minn portijiet barra minn Malta u dan iżid dak l-element ta’ solitudni xi kultant.”

“Hemm ukoll l-element naturali tal-baħar li kif nafu mhux dejjem ikun kif jgħidu qisu żejt imma jaf ikun imċaqlaq u xi kultant ukoll imqalleb sew. Hawn jidħol dak li aħna ngħidulu risk assessment fejn il-kaptan flimkien mal-ekwipaġġ tiegħu jitkellmu dwar jekk il-vjaġġ hux se jsir jew le u apparti minn hekk wieħed dejjem iżomm f’moħħu s-saħħa u s-sigurta tal-persuni abbord jew aħjar il-passiġġieri.”

Charlie Joe Attard jgħidilna li fil-jiem tal-apprendistat tiegħu ltaqa’ ma’ xi problemi abbord u naturalment wieħed irid iħabbel moħħu kif isolvihom. Hawn tidħol sew il-personalita’ tal-kaptan li jrid jassigura li kulħadd ikun sigur tul il-vjaġġ filwaqt li jikkomunika mal-membri tal-ekwipaġġ dwar x’għandha tkun it-triq ‘il quddiem.
Attard qal li studja wkoll dwar sitwazzjonijiet fejn xi passiġġieri jitilfu ħajjithom wara inċident gravi fuq il-baħar. Dawn kollha huma xenarji possibbli u reali minkejja li huma xi ftit jew wisq diffiċli. 

Saqsejna lil Charlie Joe Attard dwar x’għandu jagħmel wieħed li jitħajjar jidħol biex jistudja għall-kaptan.

“Bażikament wieħed irid ikollu kwalifika fis-suġġetti ta’ livell ordinarju bħall-Matematika, Ingliż u Fiżika sabiex ikun jista’ jidħol jistudjah. Bla dubju li dawn it-tliet suġġetti huma fundamentali speċjalment il-fiżika fejn jidħol ħafna moviment u anke fatti importanti. Il-Matematika nqisha importanti wkoll għax hemm ħafna kalkoli x’wieħed jagħmel u li huma wkoll ferm fundamentali.

Fl-istess waqt, l-Ingliż hi lingwa universali li biha tikkomunika ma’ diversi turisti madwar id-dinja u għalhekk hu rekwiżit importanti.”

Minkejja kollox, kif jgħid Charlie Joe, apparti dawn il-kwalifiċi, jrid ikollok ukoll ir-rieda li tidħol għal dan ix-xogħol li jqisu bħala vokazzjoni u mhux xi ħaġa kwalunkwe. Dan ix-xogħol hu kkunsidrat bħala karriera li tista’ twasslek biex ikollok ħafna sodisfazzjon, lil hinn mis-salarju jew ħlas monetarju li tirċievi. Eventwalment, wieħed ikollu l-esperjenza meħtieġa biex jidħol għall-vjaġġ li jaf ikun qasir jew inkella jaf itul għal ġimgħa speċjalment jekk tkun cruise li fiha tkun qed iddur numru ta’ pajjiżi.

Iżda kif jaraha Charlie Joe ix-xena marittima f’Malta?

“Ngħidlek li l-esperjenzi li ġbart f’dawn l-aħħar snin kienu kollha barra minn xtutna. Nistqarr li Malta ftit ħdimt f’dan is-settur. Hi ħasra għax forsi f’pajjiżna hawn potenzjal kbir speċjalment għax aħna gżira mdawrin bil-baħar.”

Attard jgħid li lest li dak li tgħallem hu b’korsijiet li għamel f’pajjiżna iżda oħrajn li għamel barra minn xtutna, jgħaddihom lil ħaddieħor. 

“Jien lest li dak li tgħallimt, ngħaddih lil ħaddieħor u nara li dan is-settur tant sabiħ u importanti jiżdied aktar fil-popolarita’. Nixtieq li x-xena nawtika f’pajjiżna tikber u bħalma qed nagħmilha jien, kapaċi jagħmilha ħaddieħor ukoll.”

Attard jgħidilna li meta jara dik il-bandiera Maltija tperper fuq xi vapur, dgħajsa jew inġenji oħra tal-baħar, ifisser sodisfazzjon kbir. 

“B’xorti tajba, ix-xena marittima qed tikber bil-mod il-mod anke permezz ta’ ħolqien ta’ ferries fosthom bejn Tas-Sliema u Marsamxett jew bejn il-Belt u l-Birgu. Hemm ukoll il-Gozo Fast Ferries li wkoll jagħti opportunita’ lill-kaptan partikolari li jibda fuq inġenji żgħar. Iġifieri mill-passat s’issa, qed nara li hemm progress. Ovvjament jonqos iżda mexjin fit-triq it-tajba.”

Finalment tlabna lil dan l-istudent tant determinat u bravu sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalu jixtiequ jimirħu iktar fid-dinja tal-baħar.

“L-ewwel u qabel kollox wieħed qatt m’għandu jaqta’ qalbu. Jien ninkoraġġikom biex tidħlu għal dan il-kors u din id-dinja li tant hi sabiħa.”

“Ix-xogħol fuq il-baħar jagħmlek bniedem dixxiplinat u iktar organizzat u ovvjament hemm ħafna sodisfazzjon li tasal għalih. Qed tesperjenza dinja oħra, ‘il bogħod mill-ġenn tat-toroq u traffiku u qed tieħu vantaġġ minn dan l-element naturali tant sabiħ.”

Sport