Friday, December 13, 2024

Ix-xogħol ta’ ħajjata tal-memorji jlaqqgħek ma’ esperjenzi sbieħ u oħrajn ta’ qsim il-qalb

Karen Azzopardi, ħajjata tal-memorji

Aqra wkoll

Il-ħajja hija sensiela ta’ esperjenzi; tiżwiqa ta’ mumenti sbieħ, oħrajn daqsxejn inqas pożittivi, kif ukoll mumenti diffiċli immens. Però tajjeb li niftakru illi mix-xewk joħroġ il-ward. Iktar ma nżommu dan f’moħħna, iktar ikun faċli li meta ninħakmu minn xi għawġ ma ninġarrux mal-kurrent.

Kien dan li għamlet Karen Azzopardi, preżentament ħajjata tal-memorji, għaliex meta l-ħajja poġġitilha quddiemha waħda mill-ikbar sfidi ta’ ħajjitha, rat kif għamlet u dawret din l-isfida f’opportunitajiet.

It-trasformazzjoni minn ħajjata tal-purtieri għal ħajjata tal-memorji

Karen spjegat ma’ Talk.mt li l-bidu tal-vjaġġ tagħha bħala ħajjata tal-memorji beda meta kuġinitha tatha żewġ boroż ħwejjeġ u talbitha tagħmlilha kutra. Mill-kumplament tal-ħwejjeġ li kien fadlilha ġieha l-ħsieb biex tagħmel teddy bear u ttihulha bħala sorpriża. Appena qasmu ritratt ta’ dawn l-oġġetti maħduma minn affarijiet riċiklati fuq il-midja soċjali, ir-rispons tan-nies kien wieħed pożittiv għal dan il-kunċett. Ngħiduha kif inhi, huwa kunċett pjuttost oriġinali u kreattiv li tibdel oġġetti li jkunu bla użu f’affarijiet ġodda, bħal: soft toys, kutri, cushions, basktijiet, u oħrajn.

Hija qattgħet 14-il sena minn ħajjitha ħajjata tal-purtieri, iddur minn dar għall-oħra: “Minn hemmhekk ovvjament in-nies isiru ħbieb tiegħek għax tidħol fid-dar tagħhom, tmur magħhom tixtri d-drapp, iżżejnilhom id-dar … kien żmien sabiħ ħafna”. Sfortunatament fl-aħħar sentejn ta’ dak il-perjodu sarilha intervent mediku. Hija ngħatat parir biex tieqaf kompletament mill-ħjata tal-purtieri peress li dan il-qasam kien jirrikjedi ċertu toqol ta’ materjal li ma kienx tajjeb għaliha: “Komplejt naħdem bil-mod … ir-raġel u t-tfal kienu ta’ għajnuna għax kienu anki jiġu miegħi biex indendel is-sopraporti”.

Hija rnexxielha tagħlaq dik il-fażi b’wiċċ il-ġid, però baqgħet thewden x’tista’ tagħmel biex ma taqtax is-sengħa tal-ħjata kompletament minn ħajjitha. Eventwalment nibtet l-idea li talterna għal ħajjata tal-memorji u anki fetħet paġna bl-isem ‘Handmade Memories & More by Karen Azzopardi’ fejn ta’ spiss taqsam xi xogħol ġdid mas-segwaċi tagħha.

L-importanza tad-delikatezza u l-perfezzjoni fil-ħjata tal-memorji

Matul il-ħin li qattajna fil-kumpanija ta’ Karen, ma stajniex ma nosservawx l-imħabba u d-dedikazzjoni kbira li għandha din il-ħajjata f’kull oġġett li taħdem. Hija saħqet li jekk oġġett ma jiġikx maħdum tajjeb, bl-istess mod mhux tajjeb għan-nies: “Dik hi l-prijorità tiegħi. Jekk oġġett ma ġiex sew, ma tistax tgħid li jgħaddi … irid ikun kemm jista’ jkun lejn il-perfezzjoni biex lin-nies intihom l-imħabba”.

Riċentament, mal-oġġetti ta’ tifkiriet li qed tħit — oġġetti li jkunu bla użu biex ngħidu hekk (forsi għax inkunu ħriġna minnhom, jew ikunu tifkira ta’ xi qraba li llum il-ġurnata m’għadhomx magħna), hija bdiet tinkludi wkoll l-ilħna; biex niftiehmu simili għal meta lit-tfal intuhom xi pupu li ma’ għafsa ta’ buttuna jaqbad idoqq. “Hekk tiġi kompluta. Għandhom il-ħwejjeġ magħmula f’memorja li xtaqu u ġo fiha hemm il-leħen tal-maħbubin tagħhom,” spjegat emozzjonata Karen.

Bħala xogħol huwa ta’ natura sensittiva ħafna għaliex iġib miegħu taħlita ta’ sentimenti: “Tiltaqa’ ma’ esperjenzi sbieħ, oħrajn mhux daqshekk,” stqarret Karen. Fosthom memorji ta’ tfal żgħar mimlijin ħajja, u mill-banda l-oħra sitwazzjonijiet sfortunati fejn persuni jkunu tilfu ħajjithom f’xi inċident traġiku.

Hija enfasizzat il-fatt li dan ix-xogħol tant hu delikat li m’hemmx lok għall-iżbalji. Dan għaliex jekk tkun ġiet persuna bl-unika tifkiriet li għandha ta’ dik il-persuna jew ħlejqa għażiża għaliha — hawnhekk tajjeb li nsemmu li hemm min imur għand Karen anki biex jagħmel tifkira ta’ xi annimal domestiku — u tieħu żball fix-xogħol, dil-persuna ma jifdlilha xejn iżjed.

Karen qaltilna li waħda mill-agħar esperjenza ta’ ħajjitha bħala ħajjata kienet meta kellha toħloq tifkira ta’ tarbija li mietet qabel ma rat l-ewwel dawl tax-xemx: l-omm korriet it-tarbija u talbitha tibdlilha l-ħwejjeġ li xtrat lit-tarbija f’tifkira. Appena lestiet dik il-biċċa xogħol għaddiet minn fażi fejn ma setgħetx tħit.

B’rabta ma’ dan qaltilna wkoll li fiha nibtet namra biex taqsam il-ħsibijiet tagħha li jkunu tnisslu minn dawn l-esperjenzi. Kien għalhekk li fetħet paġna fuq il-pjattaforma ta’ Facebook, “Kelma Pożittiva”, fejn ta’ kuljum taqsam messaġġ pożittiv mas-segwaċi tagħha li jkun miktub minnha stess; messaġġ imnebbaħ minn esperjenza li tkun laqggħetha magħha l-ħjata.

Mnejn nibet l-interess għall-ħjata?

Karen wirtet is-sengħa tal-ħjata mingħand ommha. Għalkemm ommha ma kinitx tipprattika s-sengħa tal-ħjata bħala professjoni li minnha taqla’ l-flus, ta’ spiss kienet tħit xi ħaġa għal tal-familja.

“Niftakar kont għadni tifla. Kellna l-kamra tal-ħjata u kellna l-gwardarobba kollha drapp. Kont ninżel, nipprova noħdilha d-drapp biex inħithom mal-pupa,” irrakkontat b’ċerta nostalġija. Meta kompliet titfarfar, hija baqgħet b’dik in-namra għall-ħjata u ddeċidiet li tkompli tterraq f’din is-sengħa. Marret titħarreġ fi skola tal-ħjata kif ukoll attendiet xi lezzjonijiet privati, u iktar tard irnexxielha tikseb numru ta’ ċertifikati tas-City & Guilds.

“Linja hija don. Naħseb titwieled bih … passjoni. Ma tridx taħdem għall-flus; trid taħdem għax tħobb”. Intant Karen qaltilna illi kieku kellha terġa’ tibda ħajjitha mill-ġdid, xorta terġa’ tagħmel l-istess għażla: dik li ssir ħajjata.

Il-futur tal-ħjata fis-soċjetà Maltija…

Fl-imgħoddi, il-ħjata prattikament kienet bżonn: “Niftakar lil ommi tħitilna l-ħwejjeġ u nilbsuhom … jekk mhux dakinhar, l-għada,” irrakkuntat Karen ma’ Talk.mt.

Il-ġenerazzjonijiet preċendenti għexu f’realtà fejn il-bżonn kważi ġegħelhom li jkunu ħajjata sabiex ikollhom xi jlibbsu lil uliedhom għax li tixtri xi ħaġa lesta kienet kważi lussu, speċjalment jekk tkun mill-klassi tal-ħaddiem. Illum pjuttost bil-kontra; bosta jippreferu jixtru l-lest, speċjalment għall-ħwejjeġ ta’ kuljum.
Però, il-ħjata “Ma ngħidx li spiċċat lanqas. Namra tal-ħjata fiż-żgħażagħ għad hawn. Li hemm bżonn inrawmu naqra aktar … ninvolvuhom; intuhom aktar spazju fejn ikunu kreattivi u joħolmu,” sostniet Karen.

Hawnhekk aċċennat għall-punt li mhux it-teorija biss hi importanti (it-tagħlim u l-għerf permezz ta’ informazzjoni mill-kotba u l-internet), iżda tant ieħor il-prattika (xi sengħa) għaliex din kapaċi tindikalek x’karriera tixtieq li jkollok f’ħajtek.

Ekonomija

Sport