Il-Qorti ddeċidiet li l-assi kollha ta’ Bernice Cilia għandhom jgħaddu għand iż-żewġ uliedha, wara li laqgħet talba biex żewġha, Roderick Cassar, jiġi eskluż mill-wirt tagħha.
Cassar bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ 40 sena ħabs wara li ammetta li qatel lil martu bi tliet tiri ta’ arma tan-nar f’Kordin, fit-22 ta’ Novembru tal-2022.
Il-ġenituri ta’ Bernice, Joseph u Maria Carmela, li wara l-qtil ħadu f’idejhom il-kustodja taż-żewġt itfal, fetħu kawża quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili sabiex Cassar ma jibbenefikax mill-wirt ta’ binthom.
Peress li Bernice ma kinitx għamlet testment, l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri laqgħet it-talba tal-ġenituri u ddikjarat li l-assi kollha tagħha għandhom jintirtu minn uliedha.
