Friday, December 27, 2024

“Iż-żgħażagħ huma l-preżent u mhux il-futur”

Mariah Zammit – President Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ)

Aqra wkoll

L-irwol tagħha fl-għaqda KNŻ huwa li tmexxi u timmotiva lit-tim tagħha flimkien
mal-amministrazzjoni sabiex jiggarantixxu diversi proġetti ta’ suċċess. B’hekk l-obbligu tagħha huwa li tara li taċċerta ruħha li kollox jimxi sew u kif inhu xieraq. L-għan tagħha, għal din is-sena, huwa li tagħmel lill-għaqda iżjed relevanti, mhux għax din mhijiex relevanti, iżda temmen li hemm bżonn li ż-żgħażagħ għandhom isemmgħu ħafna iżjed leħenhom.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ). X’inhuma r-responsabbiltajiet tiegħek u x’attivitajiet torganizzaw matul is-sena?

L-irwol tiegħi fl-għaqda KNŻ huwa li nmexxi u nimmotiva lit-tim tiegħi flimkien
mal-amministrazzjoni sabiex niggarantixxu diversi proġetti ta’ suċċess. B’hekk l-obbligu tiegħi huwa li nara li naċċerta ruħi li kollox huwa miexi sew u kif inhu xieraq. L-għan tiegħi, għal din is-sena, huwa li nagħmel lill-għaqda iżjed relevanti.

Ovvjament, minix ngħid li l-KNŻ mhijiex relevanti, iżda nemmen li hemm bżonn li bħala żgħażagħ għandna nsemmgħu ħafna iżjed leħinna. Bħala KNŻ nagħmlu ħafna attivitajiet inkluż il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Financial Literacy Guide, konferenzi, kif ukoll policy papers. Bħalissa qegħdin naħdmu fuq policy paper partikolari rigward l-Ewtanażja filwaqt li qegħdin isiru anke studji dwar l-opinjoni żgħażugħa. Bħalissa, qegħdin nmexxu ukoll survey ħalli nkunu nistgħu
naraw l-opinjonijiet tal-publiku inġenerali rigward l-arti u l-kultura fil-gżejjer Maltin. Barra dan kollu, bħala għaqda, kemm-il darba kellna l-opportunità sabiex nsiefru barra minn xtutna biex nirrapreżentaw lill-Maltin u lill-Għawdxin f’diversi konferenzi.

X’qed tistenna s-soċjetà miż-żgħażagħ tal-lum u x’qed jistennew huma minn din l-istess soċjetà?

Personalment, nemmen li s-soċjetà qiegħda tistenna ħafna miż-żgħażagħ sabiex ikunu iżjed attivi. Inħoss li s-soċjetà toħloq ċertu pressjoni fuq iż-żgħażagħ sabiex jieħdu xi tip t’azzjoni u mhux dejjem jikkummentaw minn fuq il-mobiles u wara xi screen. Jiena fuq dan, naqbel sa ċertu punt li għandna nkunu iżjed attivi, però nemmen ukoll li s-soċjetà ma toħodniex bis-serjetà lilna ż-żgħażagħ.

Sfortunatament, preżentement hawn ħafna youth washing, mhux f’Malta biss iżda anke lil hinn mill-gżejjer Maltin. Kemm-il darba konna vittmi ta’ dan aħna meta ġejna mistednin għall-konferenzi, mhux biex naqsmu l-opinjonijiet tagħna iżda biex jeħdulna r-ritratti biss.

Liema huma l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jgħaddu minnhom iż-żgħażagħ tal-lum?

Bħalma diġà qegħdin naraw f’dawn l-aħħar snin, diversi żgħażagħ qegħdin jitilqu barra minn Malta għaliex mhux qegħdin isibu biżżejjed opportunitajiet fil-gżejjer Maltin, speċjalment meta niġu għal ċertu suġġetti, fejn għadhom qas biss jiġu offruti mill-istituzzjonijiet edukattivi Maltin jew jekk forsi jiġu offruti, m’hawnx opportunitajiet ta’ xogħol. Apparti minn hekk, hawn problema kbira ta’ housing.

Nifhem li hawn diversi skemi li jgħinu lil dak li jkun biex jixtri l-ewwel propjetà tiegħu iżda sfortunatament dan mhuwiex qiegħed ikun biżżejjed. Realistikament, hawn Malta xorta għandna waħda mill-inqas pagi meta nikkumparaw mal-għoli tal-ħajja li naffaċċjaw bħala pajjiż. Għandna ukoll nuqqas kbir t’edukazzjoni u għarfien meta niġu biex nitkelmu fuq is-saħħa mentali kif ukoll dik sesswali u nuqqas t’edukazzjoni fuq ċertu affarijiet neċessarji fil-ħajja, bħal financial literacy u critical thinking.

Iż-żgħażagħ illum – kif qed iħossuhom wara l-pandemija?

Avolja l-pandemija għaddiet, ċerti riperkussjonijiet baqgħu eżistenti fis-socjetàm
speċjalment meta wieħed jara l-effett li din il-pandemija ħalliet fuq is-saħħa mentali tan-nies. Hawn ħafna studji li jikkonfermaw dan, fejn jgħidulek li ħafna żgħażagħ wara l-pandemija għadhom ibatu bl-ansjetà u d-dipressjoni. Is-saħħa mentali għandna nibdew neħduha ħafna iżjed bis-serjetà. Nemmen li dan għandu jsir billi l-ewwel nibdew nirranġaw is-servizzi tagħna sabiex nkunu nistgħu ngħinu iżjed liż-żgħażagħ kif ukoll lill-poplu inġenerali ħalli b’hekk kulħadd ikollu iżjed aċċess għal dawn is-servizzi, li b’hekk ikunu b’xejn kif ukoll effiċjenti.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, x’messaġġ tixtieq tgħaddi liż-żgħażagħ sabiex jgħixu ħajja li tagħti l-frott u li wara kollox huwa sabiħ li tgħixha?

Fl-aħħar konferenza li attendejt barra minn Malta smajt din il-frażi li tgħidlek “Youths are the present and not the future”, li prattikament tgħidlek li aħna ż-żgħażagħ irridu nieħdu azzjoni issa u mhux meta nikbru u nilħqu nsiru adulti għax inkella se jkun għadda wisq żmien biex nieħdu ċertu deċiżjonijiet. Allura, il-messaġġ tiegħi huwa biex iż-żgħażagħ ma jaqtgħux qalbhom u biex jiġġieldu għal dak li jemmnu fih u ma jibżghux isemmgħu leħinhom rigward l-opinjonijiet u valuri tagħhom.

Nemmen li biex tgħix ħajja ta’ suċċess ma tridx tibqa’ fil-comfort zone tiegħek iżda trid tkun kapaċi tieħu riskju u taħtaf l-opportunitajiet kollha li
tixtieq. B’hekk biss, nemmen li wieħed ikun jista jirnexxielu jwettaq il-ħolm tiegħu!

Ekonomija

Sport