Sunday, December 22, 2024

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ MEXXEJJA

Aqra wkoll

Iż-żgħażagħ huma wieħed mill-aktar elementi importanti fis-soċjetà tagħna u għax kif qal tajjeb riċentament il-Prim Ministru, Robert Abela, “iż-żgħażagħ mhumiex il-mexxejja ta’ għada iżda l-mexxejja tal-preżent.” Tassew, iż-żgħażagħ għandhom l-enerġija, id-determinazzjoni u l-ideat li jistgħu jmexxu dan il-pajjiż ‘il quddiem. Ghaldaqstant huwa krucjali li nagħtu liż-żgħażagħ spazju ewlieni biex ikunu kontributuri ewlenin fit-tfassil tal- futur ta’ pajjiżna.

Qatt daqs illum ma jinħass il-bżonn li ninvestu fiż-żgħażagħ. Dan fil-kuntest ta’ gvern li qed iħares lil hinn mill-pandemija Covid19. Dan fil-kuntest tal-viżjoni ekonomika tal-gvern għal għaxar snin li ġejjin. Dan ukoll fil-kuntest tal-baġit li l-gvern fassal għas-sena d-dieħla. Baġit 2022 li tassew ipoġġi liż-żgħażagħ fil-qalba tal-ambizzjonijiet, l-aspirazzjonijiet u l-viżjoni ta’ dan il-gvern. 

Kif stqarr tajjeb riċentament il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, il-premessa li jitlaq biha dan il-baġit hija li l-pajjiż ma jistax jikkuntenta ruħu biss li jkollu rata baxxa ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni.“iż-żgħażagħ jilħqu jaħdmu. Jilħqu jixbgħu. Iż-żgħażagħ għandhom jibqgħu l-iskola”. Ma nistgħu qatt naċċettaw realtà fejn tfal li jagħmlu tlettax-il sena fl-edukazzjoni obbligatorja joħorġu mis-sistema mingħajr il-ħiliet neċessarji fid-dinja moderna. Din hija premessa li ilni nisħaq fuqha tul dawn l-aħħar snin fir-rwol tiegħi ta’ ġenitur, bħala imprenditur fis-settur edukattiv kif ukoll illum bħala politiku. Dejjem emmint li l-gvern għandu r-responsabbiltà li jagħmel l-vjaġġ edukattiv ta’ kull student waħda unika biex jistgħu jikbru, jimirħu u jfasslu l-Malta ta’ għada. Is-sistema edukattiva għandha tkun ukoll opportunità għalina biex ingawdu mill-ideat, l-innovazzjoni, il-kreattività u l-enerġija li għandhom iż-żgħażagħ.

Dawn l-ideat qsamtom ma’ sħabi fir-rwol attiv li kellhi fit-tfassil tal-100 Idea tal-Partit Laburista. Kien għalhekk ukoll li tul dawn l-aħħar xhur ikkontribwixxejt għal-soċjetà aħjar permezz tal-inizjattivi bħal Robotika u eME.

“Dejjem emmint li l-gvern għandu r-responsabbiltà li jagħmel l-vjaġġ edukattiv ta’ kull student waħda unika biex jistgħu jikbru, jimirħu u jfasslu l-Malta ta’ għada”

Ray Abela

Il-Bagit 2022 iħares l-iżvilupp taż-żgħażagħ b’mod konkret permezz ta’ inizjattivi u miżuri mmirati fosthom li ser jiżdiedu l-istipendji tal-istudenti kollha b’10 fil-mija. Stipendju ser jingħata wkoll lill-istudenti anke jekk jaħdmu sa massimu ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa Barra minn hekk, kull student li hu eliġibbli għall-istipendju ser ikun qed jibqa’ jingħatalu anki jekk l-istudent jaħdem sa massimu ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa. 

L-investiment fiż-żgħażagħ mħabbar fil-Bagit 2022 mhuwiex wieħed finanzjarju biss imma jara li kull żgħażugħ ikollu l-għodda neċessarji biex jiżviluppa l-abbiltajiet tiegħu. Tassew, il-Baġit 2022 jinkludi aktar investiment fl-Apprentistat. Ser isir investiment biex jiżdied in-numru ta’ studenti li jsibu placements ta’ apprentistat mas-settur privat. Ser isir ukoll investiment biex dawn l-istudenti ikunu aktar attrezzati b’laboratorji u faċilitajiet fejn ikunu jistgħu jitħarrġu fit-teknoloġija u ħiliet li s-setturi ekonomiċi ikunu jinħtieġu. 

Biex ngħinu aktar liż-żgħażagħ, l-eżamijiet tas-SEC ser jibdew isiru fl-istess skejjel fejn kienu jattendu l-istudenti Wara l-proġett pilota ta’ din is-sena, għas-sena skolastika li jmiss, ser ikun hemm aktar skejjel fejn l-istudenti sejrin ikunu qed jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC fl-istess skejjel li kienu jattendu skola u b’hekk jonqos ftit l-istress peress li l-istudenti jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet f’ambjent li huma jafu. Din ser isir b’investiment ta’ €1 miljun u ser tgħin ħafna lil numru ta’ tfal b’ċertu kundizzjonijiet għax jagħmlu l-eżamijiet tagħhom f’ambjent li draw fih. 

Fejn jidħol it-tagħlim tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika, dan il-Gvern ser ikompli jtejjeb il-faċilitajiet biex jingħata l-ogħla livell ta’ tagħlim. Biex jilhaq din il-mira l-gvern ser jibda programm ta’ modernizzar u investiment ta’ apparat modern ġo 180 laboratorji tax-xjenza li jinsabu fl-iskejjel tagħna. Barra minn hekk, il-gvern ser ikompli jtejjeb l-infrastruttura tan-netwerk diġitali fl-iskejjel tal-istat.

Iż-żgħażagħ mhumiex biss edukazzjoni u xogħol imma anke sport, settur li fih il-gvern ser ikun qed investi fix-xhur li gejjin b’mod massiċċ. Iż-żgħażagħ huma wkoll kultura, fejn il-gvern ħabbar li ser ikun qed jintroduċi inizjattivi u miżuri mmirati biex isaħħu dan is-settur. Iż-żgħażagħ huma wkoll ambjent settur li fin il-gvern qed jara li fix-xhur li ġejjin ikompli jinvesti biex verament jagħmel differenza f’ħajjet iż-żgħażagħ. 

Dan huwa l- Gvern Laburista. Gvern li jemmen fiż-żgħażagħ billi jaġixxi. Dan hu gverrn li qed jaġixxi bieex iħares il-Malta tal-llum u ta’ għada. Dan huwa l-Partit Laburista. Il-partit li dejjem poġġa ż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Dan huwa l-partit li miegħu qed nimxi l-vjaġġ politiku tiegħi. Il-partit li miegħu nista’ nilħaq il-ħolma tiegħi ta’ Malta fein iż-żagħżagħ tassew jilħqu l-potenzjal tagħhom. Il-Partit Laburista, l-unika alternativa fl-elezzjoni li jmiss. 

Il-Ħadd it-tajjeb

Ekonomija

Sport