L-influencer popolari Terry Ta’ Bormla ssostni li dawk li ttradew lil Delia warrbuh biex jieħdu r-riedni f’idejhom
Minn CARMEN CACHIA
Iz-Zija TT f’dawn il-ġranet ħarġet pubblikament kontra d-deċiżjoni tan-Nazzjonalisti li neħħew lil Adrian Delia minn kap tal-PN tant li ddikjarat li se titlaq lil dan il-partit u tagħmel tessera mal-Partit Laburista. F’intervista ma’ L-ORIZZONT hija qalet li dawk li riedu b’saħħa jneħħu lil Delia, ma jħobbux lill-Partit Nazzjonalista u għamlu din il-mossa sempliċiment biex jieħdu r-riedni f’idejhom. Issa hija għandha xewqa waħda – dik li tgħin lill-poplu Bormliż u bi ħsiebha tagħmel dan billi toħroġ bħala kandidata mal-Partit Laburista fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li jmiss id f’id mas-Sindku preżenti ta’ Bormla, Alison Zerafa Civellis.
“Inħossni kburija ħafna li wara 10 snin li ilni nappoġġja lil Alison, issa se nkun magħha fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla. Alison dejjem għenitni jekk kien ikun hemm bżonn xi ħaġa f’Bormla. Jiena napprezza dak kollu li dejjem għamlet miegħi u b’dan il-mod se nkun qiegħda npattilha xi ħaġa lura,” spjegat iz-Zija TT.
Din l-influencer Maltija magħrufa ħafna fuq il-midja soċjali bħala Terry ta’ Bormla, qalet li minn dejjem kienet tħobb ħafna lill-Bormliżi u għalhekk tixtieq tgħinhom billi toħroġ għall-elezzjonijiet lokali li jmiss. Il-pass tagħha li titlaq lill-PN wara li “dawk iż-17-il persuna tradew lil Adrian Delia”, wassal biex għadd ta’ Nazzjonalisti jattakkawha u jgħajjruha.
“Qażżu lil kulħadd”
Minkejja dan, iz-Zijja TT saħqet li m’hiex se taqta’ qalbha u ċċedi għal dan il-kliem ta’ odju. Rigward il-kumment li ħareġ bih Andrew Borg Cardona, fejn sejjaħ lil dawk li telqu lill-PN bħala ġrieden, iz-Zija TT qalet li b’kummenti bħal dawn hija tagħmel kuraġġ aktar minn qabel li tittessera ruħha mal-Partit Laburista.
“Sal-bieraħ stess, Jason Azzopardi kompla bl-attakki tiegħu u din hija sitwazzjoni tal-biki fejn għandek nies li mingħalihom ħadd ma jista’ għalihom. Qażżu lil kulħadd,” kompliet iz-Zijja TT. Hija qalet li, “meta nara l-ħdura ta’ dawn in-nies, aktar nagħmel kuraġġ u verament nissimpatizza ma’ dawk bħali li qegħdin jiġu attakkati bla ħniena fosthom Louise Tedesco, mara mill-aqwa li tant għamlet xogħol għall-PN u minflok tawha l-grazzi, trattawha b’dan il-mod. Hekk beda sew il-Partit Nazzjonalista… B’din il-ħdura”.
Mistoqsija dwar x’taħseb dwar il-bidla fil-mexxej tal-PN, li għal snin twal kienet tappoġġja bis-sħiħ, iz-Zija TT stqarret li, “għalija dan huwa dispjaċir kbir. Meta nara lil xi ħadd itajjar lill-kap tiegħi li kont inħobb u kien tant għażiż għalija, ma nħossnix komda miegħu. Għalija b’li għamlu, dawn mhux għax vera jħobbu lill-partit. Għamluh għax riedu jaħtfu l-magna f’idejhom.”
Hija saħqet li kienet lesta tappoġġja bis-sħiħ lil Adrian Delia għall-elezzjoni ġenerali li jmiss u jiġri x’jiġri kienu se jaraw flimkien minn hemm. Iz-Zija TT temmen li t-tneħħija tiegħu hija inaċċettabbli, ma taqbilx magħhom u għalhekk ħaditha kontrihom.
Min-naħa l-oħra qaltilna li t-Tnejn li għadda, il-kap ġdid tal-PN, Bernard Grech, ċemplilha. Hija ħadet gost b’dan il-ġest da parti tiegħu u qaltlu li lesta li jiltaqgħu biex jitkellmu b’mod aktar ċar. Minkejja dan, iz-Zija TT se tibqa’ soda f’kelmtha tant li qalet li jiġri x’jiġri, “ċerta mill-pass li ħadt, żgur li mhux se nerġa’ mmur lura minnu”.
Min l-aktar ried jeħles minn Delia?
Mistoqsija x’taħseb li se jiġri mill-Partit Nazzjonalista issa li kellu bidla fit-tmexxija, hija qalet li dawn in-nies għandhom is-saħħa tant li fejn jixtiequ jmorru, żgur li jaslu. Fl-opinjoni tagħha u ma tiddejjaqx tgħid, l-aktar persuni li hi moralment temmen li riedu jneħħu lil Delia kienu Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi u Karol Aquilina. Hi moralment temmen li huma “il-klikka ta’ Galizia”.
Ix-xewqa u l-mira tagħha issa li telqet mill-PN hija dik li tgħin lill-Bormliżi billi tirrappreżentahom fil-Kunsill Lokali. “Hawnhekk nixtieq nirringrazzja minn qalbi lill-Prim Ministru Robert Abela, persuna li dejjem kelli fiduċja fih anke fi żmien li lanqas kien jissemma’ fil-politika. Meta kien ħareġ għal Prim Ministru, jien dejjem appoġġajtu avolja dak iż-żmien ma kontx naqbel miegħu fil-politika. Illum inħossni kburija li mhux għax ikkritikajt fuq xi ħaġa, lili għalquli l-bieb,” qalet b’sodisfazzjon iz-Zija TT.
Fi tmiem l-intervista hija esprimiet ammirazzjoni kbira u appezzament ġenwin għall-messaġġ li għaddielha l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, Silvio Schembri. Hija qalet li, “napprezza immens ix-xogħol kbir li jagħmel dan ir-raġel u jiena leali lejh. Issa qiegħda nistenna bi ħġari l-appuntament li għandi ma’ Silvio l-ġimgħa d-dieħla”.
Sadanittant in-numru ta’ Nazzjonalisti li għamlu l-istess pass taz-Zija TT li telqu, qattgħu jew bagħtu lura t-tessera tagħhom lill-PN wara li tneħħa Delia bħala kap tal-partit, qiegħed dejjem jiżdied.