Saturday, December 21, 2024

IŻ-ŻJARA TAL-PAPA… PAĊI U UGWALJANZA

Aqra wkoll

Il-ġimgħa li għaddiet kellna ż-żjara tal-Papa f’Malta.  Kienu jumejn interessanti speċjalment minħabba li din iż-żjara dawret lill-Papa ma’ Malta u Għawdex.  Il-fatt li dawn il-jumejn kienu wkoll ippreżentati kollha mill-One tv taw l-opportunita’ lil dawk li ma setgħux jieħdu parti attiva biex xorta jipparteċipaw.  Imma barra minhekk, dan il-programm kellu diskussjoni kontinwa mmexxija minn Ray Azzopardi.  Kien programm li mhux biss reġa’ introduċa lil Ray fuq il-One imma li fakkarna fix-xogħol li kien wettaq Ray speċjalment bl-introduzzjoni tar-radju Super One u t-taħriġ li kien beda biex iż-żgħażagħ jersqu u jikkontribwixxu lejn il-ġurnaliżmu u lejn dan ir-radju ġdid.  Wieħed mill-programmi li kien introduċa fl-ewwel jiem tar-radju kien dwar il-festa ta’ San Gejtanu – programm li kompla fuq festi oħra.  Tant kien suċċess li radjijiet oħra u stazzjonijiet tat-tv f’Malta bdew jippreżentaw programm dwar il-festi kollha li jsiru f’Malta.

Il-programm kien interessanti għaliex, barra li rajna dak li kien għaddej, kien hemm diskussjonijiet interessanti minn grupp ta’ nies li ffukaw fuq aspetti differenti tas-sinifikat sew taż-żjara u sew tad-diskors u l-messaġġ li ried iwassal il-Papa.  

Dan il-Papa hu interessanti għaliex barra li hu Papa progressiv hu wieħed minn dawk li mhux biss jgħid li jemmen fil-paċi u fid-drittijiet li għandu kull bniedem fid-dinja, imma li jieħu azzjonijiet biex iwettaq dak li jemmen fih.  Fuq il-paċi mhux biss jemmen fil-paċi imma jaf il-bażi tal-paċi – li mhux tibni ħitan, imma li tiftaħ il-bibien u titkellem ma’ kulħadd – huma min huma.  Dan rajnieh riċentament meta ma ddejjaqx li jibni kuntatt maċ-Ċina, pajjiż li sal-lum għadu komunist, biex iwessa’ l-ispazju lil dawk li jemmnu fir-reliġjon tiegħu.  Kienet din l-attitudni li wasslet biex dan il-Papa jilħaq l-għanijiet u jibni pont ma’ grupp ta’ nies li dejjem kienu meqjusa bħala għedewwa.  

Rajnieh f’oqsma oħra meta ltaqa’ ma’ kapijiet ta’ reliġjonijiet oħra u qasmu ħsibijiethom.  Hu b’hekk li l-bnedmin jifhmu lil xulxin u nibnu paċi soda.  Hi ħasra li sal-lum ħafna mill-mexxejja tad-dinja għadhom jemmnu li biex jipperswadu lil ħaddieħor hu biss bit-tgħajjir, bis-sanzjonijiet, billi nibnu swar madwarna u li nagħmlu gwerer.  Il-bażi ta’ dawn hu l-poter u mhux il-paċi.  Tant hu hekk li għadna sal-lum nqisu lil dawk li jitkellmu dwar il-paċi għadhom meqjusin bħala xellugin estremi.  Dan mhux biss qed narawh illum għax ilu għaddej għal eluf ta’ snin.  Illum forsi qed nirrealizzawh li hemm xi ħaġa ħażina kif nimxu minħabba l-gwerra fl-Ukranja invaduta mir-Russja.  Gwerra li ma nafux sa fejn ser twassal – jekk tieqafx, jew tkompli tespandi u tinvolvi pajjiżi u armi distruttivi oħra.  

U hawn joħroġ in-nuqqas li l-maġġoranza tal-mexxejja tal-pajjiżi tad-dinja li ma jafux x’inhi l-bażi tal-paċi.  Il-bażi tal-paċi hi l-ugwaljanza u mhux il-poter.  L-ugwaljanza tiġi bil-koperazzjoni u mhux bil-piki.  Dan qed narawh illum.  Viċin tagħna għandna gwerra għaddejja.  Ftit nirrealizzaw kemm inbidlu l-gwerer.  Fejn qabel kienu s-suldati li jbatu, mill-aħħar Gwerra dinjija bdjena naraw li l-gwerra titwassal bl-aktar ħruxija fuq in-nies komuni speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli bħat-tfal, l-anzjani u dawk bi problemi fiżiċi.  Fi stat ta’ gwerra l-aktar ħaġa importanti mhix li nkomplu nkabbru l-pika għaliex in-numru ta’ nies li ser ibatu ser jikber.  Dawn huma nies li ħadmu għal djarhom biex jibnu familji u jaraw lil uliedhom jikbru kuntenti u jkollhom suċċess.  Minflok, dawn il-piki jġibu diżastri mhux biss fl-għanijiet imma anki fil-qerda ta’ nies li barra li jbatu l-ġuħ jispiċċaw korruti għal ħajjiethom kollha jew jiffaċċjaw il-qerda tagħhom b’mod l-aktar krudil.

Hi ħasra li lit-tfal tagħna ftit li xejn ngħallmuhom il-bażi tal-paċi fil-ħajja ta’ kuljum.  Aktar nibbażaw fuq il-kompetizzjoni milli fuq koperazzjoni.  Il-kompetizzjoni hi tajba għaliex tqanqal ġo fina ħeġġa biex nilħqu livelli aktar għolja imma hemm limitazzjoni.  Jekk nibqgħu nenfasizzaw biss il-kompetizzjoni din twassal biex nidraw nippikaw u mhux nikkoperaw ma’ xulxin.  Aktar ma tikber il-pika, jibda jiddomina l-prinċipju tal-poter li fil-ħajja ta’ kuljum iwassal għall-mibegħda waqt li fuq livell nazzjonali jwassal għal gwerra.   

Dwar id-drittijet ta’ kull bniedem, dan il-Papa qatt ma qagħad lura, għaliex irrikonoxxa li sew dawk li huma ddivorzjati u sew dawk li għandhom orjentament sesswali differenti minn dak li aħna ngħidulu ‘normali’, huma wkoll bnedmin li għandhom d-drittijiet anki dawk reliġjużi.  Biss dawn l-aħħar snin kien wieħed mill-ftit mexxejja fid-dinja tal-lum li mhux biss irrikonoxxa d-drittijiet tal-immigranti imma ta’ kull immigrant bħala bniedem.  Dan kien fi żmien meta l-Punent u dawk li jgħidu li jemmnu fid-drittijiet tal-bniedem u fil-liberta’ minflok għenu lil dawn in-nies bdew jibnu swar biex dawn in-nies ma jersqux lejhom.  Dan rajnieh speċjalment fl-UE li ma ħadet l-ebda azzjoni fuq dawk il-pajjiżi li bdew jagħlqu l-fruntieri tagħhom bl-istess mod li pajjiżi komunisti kienu jagħmlu fl-antik.  Biss la l-azzjoni qed issir minn pajjiżi fl-UE, ma jimpurtax.  Mhux biss, imma aċċettat il-fatt li numru ta’ pajjiżi nordiċi mhux biss ma ridux jaċċettaw l-ebda emigrant, imma dawret wiċċha n-naħa l-oħra, meta riċentament il-Polonja kisret liġijiet internazzjonali u tal-UE kif ittrattat l-emigranti.  Dan għaliex dawn kienu deħlin mill-Belarus u kienu ġejjin mil-Lvant Nofsani.

Dan il-Papa mhux biss dejjem tkellem fuq id-drittijiet ta’ kull immigrant għax hu bniedem imma dejjem żarhom u qabeż għalihom minkejja li kienu ġejjin minn razez u reliġjonijiet differenti.  

Dan rajnieh anki fiż-żjara f’Malta.  Jien ċert li kien il-Papa stess li nsista biex iżur il-Laboratorju tal-Paċi u jiltaqa’ mal-immgranti.  Kienet żjara unika għaliex s’issa f’Malta qatt ma rajna dan it-tip ta’ żjarat lill-immigranti la min-nies komuni u wisq anqas mill-mexxejja sew dawk ċivili u lanqas reliġjużi.  Dawn l-immigranti għalina huma imbarazz u xejn aktar.  Huma wkoll għodda li nistgħu nisfruttaw u la dan hu possibli, hekk nagħmlu.

Tant hu hekk, li ftit jiem wara din iż-żjara tal-Papa, bejnitna insemmu kollox dak li sar, minbarra żjara lii-Laboratorju tal-Paċi fejn kien hemm l-immigranti ta’ ġilda skura.  Il-fatt li dawn għadhom esklużi mis-soċjeta’ tagħna huwa prova ta’ kemm aħna qatt ma ppruvajna nintegrawhom fis-soċjeta’ tagħna la mill-aspett ċivili u lanqas dak reliġjuż għaliex la nirrispettaw id-drittijiet tagħhom u wisq anqas inqiesuhom bħala bnedmin.  In-nuqqas tar-reliġjużi hu aktar serju, għaliex dan juri n-nuqqas tar-reliġjużi milli jippritkaw kontra r-razziżmu u fuq kollox hu ta’ kuntrast qawwi mal-mexxej tagħhom.

L-antagoniżmu Malti għal dawn in-nies ġej ukoll kif kienet tipprattika l-Knisja f’Malta snin ilu.  Min għandu l-eta’ jiftakar li meta kienu jgħallmuna r-reliġjon aktar kienu jiffukaw fuq il-ħżunija ta’ reliġjonijiet oħra u għalhekk fuq il-ħżunija ta’ razez oħra.  Ftit kienu dawk il-qassisin li kienu jgħallmu fuq l-ugwaljanza u fuq il-paċi.  Fost dawn għadni niftakar lill-Patri Dijonisju Mintoff li għal sentejn kien jgħallimni r-reliġjon fit-Technical School.  Kien laqatni, minkejja li qatt ma kont reliġjuż, għaliex aktar kien jiffoka kif aħna nistgħu ngħixu ħajja feliċi jekk naċċettaw ċerta prinċipji fosthom li mhux biss napprezzaw lilna nfusna imma wkoll lil ħaddieħor u li nisimgħu u nippruvaw nifhmu dak li qed jgħid ħaddieħor u mhux biss nippressaw il-fehmiet tagħna.

Prinċipji li għadni ngħożżhom sal-lum għaliex huma l-bażi tal-paċi.  

Kien għalhekk ukoll li laqtitni d-diskussjoni li kien hemm fuq il-One, speċjalment il-kontribuzzjoni sew ta’ Fr  Colin u ta’ Alfred Grixti, meta l-Papa kien qed iżur l-immigranti.  Dan għaliex indikawlna biċ-ċar li bħala pajjiż għandna bżonn li nibdlu d-direzzjoni tagħna u nibdew nistmaw lil dawn l-immigranti bħala bnedmin bħalna.  

Ekonomija

Sport