Friday, April 26, 2024

IR-RUSSJA NAZZJONALISTA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Hemm żewġ tendenzi qawwija fil-kultura Russa. Waħda hi ta’ universaliżmu fil-mod kif titqies l-eżistenza tal-bniedem, il-valuri li jħaddan, u ċ-ċiviltà li jibni u jgħix fiha, universaliżmu mnebbaħ bil-kbir minn perspettivi insara. U l-oħra hi ta’ nazzjonaliżmu li jqis l-identità Russa bħala l-arka ta’ ħarsien u salvazzjoni għal dawk b’għeruq etniċi slavi.

Iż-żewġ tendenzi għandhom saħħa. Ta’ spiss jeżistu fl-istess bniedem. It-tnejn sabu l-aqwa espressjoni f’artisti li kisbu bir-raġun l-aqwa rikonoxximent fil-Punent, bħal Dostojevski u Solġenitsin fil-letteratura. Imma anke l-poeta u rumanzier klassiku Puxkin, venerat fl-Ewropa bħala poeta “universali”,  jaqa’ f’dil-fasla. Biżżejjed taqra x’kiteb “lil dawk li gidbu dwar ir-Russja” jew dwar il-popli tal-Baltiku.

Għalhekk għamel tajjeb il-Papa Franġisku meta wissa minn Malta, kontra l-eċċessi tan-nazzjonaliżmu, li b’ċertu mod wasslu għall-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna. Biss għandi dubju dwar dak li l-Papa donnu ried ukoll ifisser; li l-ħsus tan-nazzjonaliżmu huma anakroniċi.

ĠENERAZZJONIJIET

Hi ħaġa naturali li l-ħidma publika u soċjali timxi ’l quddiem ukoll permezz tal-bidla fil-ġenerazzjonijiet li jwettquha. Allaħares ma kienx hekk, għalkemm m’hemmx għalfejn ngħidu, il-membri tal-ġenerazzjonijiet li jkunu waslu biex jinbidlu b’ta’ warajhom mhux bilfors iħossuhom komdi b’li qed jiġri.

Il-bidla – speċjalment fil-politika – mhux dejjem tista’ titmexxa b’mod ċar, trasparenti. Jinqalgħu episodji u kumbinazzjonijiet li jħarbtu kull kalkolu.

Snin twal ilu, meta kont nistudja t-tmexxija maniġerjali, konna nqattgħu sessjonijiet sħaħ nikkunsidraw problemi ta’ suċċessjoni u ċaqliq ta’ persuni minn responsabbiltà għal oħra, kif iqumu f’korporazzjonijiet kbar privati Amerikani. L-isfidi u l-problemi ma tantx huma differenti milli jitqanqlu f’sitwazzjoni politika. It-tiġdid hu meħtieġ imma jista’ joħloq problemi daqskemm joħloq opportunitajiet. U jrid isir.

L-EWROPA SE TIDDIVERSIFIKA? 

  Għadha kwistjoni xejn ċara kif l-Ewropa se tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija tagħha. Biex l-Unjoni Ewropea tlaħħaq mal-miri tal-azzjonijiet li ddeċidiet għal kontra t-tisħin tal-klima, il-faħam irid jinqata’. Iż-żjut minn taħt l-art l-istess, għalkemm b’anqas ħeffa mill-faħam, suppost. L-istess ħaġa tgħodd għall-enerġija ġenerata mill-gass naturali, għalkemm hawn terġa’, ir-rata tal-bidla se tkun aktar kajmana minn taż-żjut. Dwar l-enerġija nukleari qam nuqqas ta’ qbil dwar kif għandha tintuża biex jintlaħqu l-miri ta’ kontra t-tisħin tal-klima.

Sadattant, bil-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna, esiġenza oħra saret qawwija. L-Ewropa trid ma tiddependix aktar fuq iż-żjut u l-gass Russu għall-enerġija tagħha.Qed jitħejjew pjani biex dan jitwettaq.

L-impenji tal-Ewropej fil-qasam tal-enerġija se jġibu magħhom għażliet iebsa li kollha kemm huma se jqajmu diffikultajiet. Fir-realtà, ma jidhirx li għad hemm programm wieħed maqbul ta’ kif dan se jsir. 

Sport