Saturday, May 4, 2024

ARA: Id-Dwana b’qabda rekord ta’ 800kg kokaina

Aqra wkoll

Suċċess ieħor għad-Dwana ta’ Malta fil-ħidma tagħha kontra t-traffikar tad-droga hekk kif f’operazzjoni twila, li bdiet l-Erbgħa filgħodu u baqgħet għaddejja sal-Ħamis waranofsinhar, irnexxielha taqbad rekord ta’ 800kg kokaina fil-Port Ħieles, liema droga kienet moħbija f’kontejner ta’ 40 pied. 

Il-kontejner, li kien interċettat mill-uffiċjali tad-Dwana stazzjonati fil-faċilità tal-iskannjar, ġie nnutat li kellu ċertu diskrepanzi. Il-merkanzija, li telqet mill-port ta’ Turbo, fil-Kolumbja u kienet destinata għall-port ta’ Mersun, fit-Turkija, kienet tinkludi tagħbija mkessħa ta’ 1,200 kaxxa tal-banana.

L-uffiċjali, flimkien ma’ membri mll-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga li ssejħu fuq il-post, fetħu l-kontejner u bdew jispezzjonaw il-kaxxi kollha. Sussegwentement, ġew elevati 800 pakkett ta’ sustanza bajda moħbija f’26 kaxxa li taw indikazzjoni pożittiva għall-kokaina.

Il-pakketti kienu ta’ piż nett ta’ kilogramma kull wieħed u kienu moħbija f’kaxxi tal-frott. Madankollu, id-differenza fid-densità u l-konsistenza ġew innutati immedjatament mill-uffiċjali.

Il-qabda tal-lum hija waħda storika għad-Dwana mhux biss f’dak li huwa ammont ta’ droga misjuba imma wkoll fil-valur tagħha, li hu stmat li tlaħħaq il-€108.2 miljun.

Id-Dipartiment tad-Dwana ilu sena wara l-oħra jikser ir-rekords tiegħu stess ta’ qbid ta’ kokaina – fl-2019 irreġistra total ta’ 750kg fi 13-il qabdiet separati, fl-2020: 612-il kilo (f’qabda waħda), fl-2021: 740 kilo (f’qabda waħda) u fl-2022: 800 kilo (f’qabda waħda).

Dan l-aħħar każ ġie mgħoddi lill-Korp tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet filwaqt li nfetħet inkjesta mmexxija mll-Maġistrat tal-Għassa Marse-Ann Farrugia.

Sport