Friday, May 17, 2024

“M’iniex kontra l-investiment… Nistieden lill-PM għal laqgħa urġenti”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li kburi li dak li kellu jsir u li hu insista dwaru, ta l-frott tiegħu għax hemm numru sabiħ ta’ kandidati ġodda li ntagħżlu biex jgħinu fit-tiġdid tal-partit. Huwa qal li kif diġà ħabbar, huwa diġà tefa’ n-nomina tiegħu għall-elezzjoni tal-Kap tal-partit. Huwa qal li se jkun qiegħed jara li t-tiġdid li beda madwar sena u nofs ilu jkun qiegħed jitkompla.

Tkellem dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u qal li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex kontra dan it-tip ta’ investiment, iżda li din m’għandhiex tkun biss bħala tranżazzjoni finanzjarja li tintuża bħala ċavetta għal ċertu drittijiet fl-Unjoni Ewropea u daqshekk.

“Jiena insistejt ukoll li min ikun ċittadin Malti jrid ikun kburi li hu ċittadin Malti u jekk inti ma tridx turi ismek m’intix kburi”, kompla Grech.

Għal dan il-għan huwa stieden lill-Prim Ministru għal laqgħa urġenti biex jiġi stabbilit programm ta’ investiment b’rabta ta’ veru ma’ pajjiżna ta’ persuni li jkunu verament tal-affari tagħhom illi allura anke l-mod li bih jintagħżlu, kif ukoll d-due diligence ssir b’maturità. “B’dan il-mod minflok niġbdu l-attenzjoni negattivament ikollna dan il-prodott bi qbil miż-żewġ naħat. Jiena rrid illi nimxu ’l quddiem u għalhekk qiegħed għal darba oħra noħroġ l-id tal-ħbiberija lill-Prim Ministru iżda issa sta għalih jekk jilqax dan l-invit”, tenna Grech.

Rigward il-jiem ta’ wara r-riżultat tal-elezzjoni, Grech qal li ftit li xejn kellu ħin ta’ mistrieħ u saru numru ta’ laqgħat fosthom ma’ Deputati, numru ta’ kandidati li ma ġewx eletti, ma’ uffiċjali u ħafna oħrajn li kkuntattjaw lill-partit biex għall-ewwel darba jgħinu biex il-partit ikun jista’ jiġġedded. Grech qal li tkellem ma’ numru ta’ kandidati li għalkemm ma ġewx eletti lesti li jibqgħu joffru s-servizz tagħhom lill-partit.

Huwa qal li bla dubju, dawk li qegħdin jaħsbu biss li jagħmlu l-ħsara se jkunu qegħdin isibu oppożizzjoni kbira minnu, iżda dawk kollha li qegħdin jersqu biex b’xi mod jgħinu għall-aħjar anke permezz ta’ kritika kostruttiva, se jkunu qegħdin isibu l-appoġġ kontinwu tiegħu.

Rigward id-deċiżjoni tal-kandidata Nazzjonalista Janice Chetcuti li ċediet postha fl-elezzjonijiet każwali biex tkun tista’ tieħu postha permezz tal-mekkaniżmu tal-ugwaljanza bejn is-sessi, Grech qal li hi tat l-opportunità lid-distrett li jeleġġi tliet deputati. 

Huwa għalaq bl-appell li beda bih u stieden lil kull min jixtieq jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista jagħmel kuntatt. Grech temm jgħid li issa li ninsabu biss ftit jiem wara r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali, jeżisti żmien stipulat qabel l-ewwel prova u għalhekk hemm żmien biex issir ħidma biex il-Partit Nazzjonalista verament ikun aktar b’saħħtu. “Se jkun hemm dixxiplina fejn hemm bżonn għax l-affarijiet ma jimxux ’il quddiem bit-tagħjir jew billi nagħmlu li rridu” temm Grech.

Sport