Il-BOV Tazza l-Kbira, l-aktar tiġrija prestiġjuża fil-kalendarju tat-trott lokali din is-sena se jkollha flotta sħiħa esklussivament mill klassi Premier.
L-edizzjoni ta’ din is-sena, għal darb’oħra sponsorjata mill-Bank of Valletta, se jieħdu sehem fiha 79 żiemel tat-trott tal-Klassi Premier, li huma l-aqwa tat-talent lokali u internazzjonali. Mall-parteċipanti se jkun hemm ir-rebbieħa tat-Tazza l-Kbira Crack Money u Dreamer Boy kif ukoll Velvet Gio li rebaħ it-tazza tal-President fl-2024 u Akela Play, rebbieħ tas-Sette Giugno Cup għal dawn l-aħħar sentejn. 24 minn dawn iż-żiemel se jkunu qed jiddebuttaw f’Malta fil-BOV Tazza l-Kbira.
Din it-Tazza, li l-istorja tagħha tmur lura għall-1934 qegħda dejjem tikber fl-istatura u l-popolarità, u l-edizzjoni tal-2025 jidher li se tkun avveniment spettakolari, b’ seba’ heats li jsiru bejn il-15 u s-16 ta’ Marzu. Iż-żwiemel fl-ewwel ħames postijiet f’kull heat se jmorru għat-tliet semi-finali li qed isiru fiż-żewġ laqgħat tat-tiġrijiet tat-30 u l-31 ta’ Marzu. L-ewwel erba’ żwiemel f’kull semi-finali mbagħad jikkwalifikaw għall-Gran Finali tat-13 t’ April 2025.
“Ir-rispons kbir mis-sidien taż-żwiemel u t-trejners huwa xhieda tal-komunità tat-tiġrijiet taż-żwiemel li dejjem qed tikber f’Malta kif ukoll tal-popolarità tal-BOV Tazza l-Kbira,” qal Charles Azzopardi, Kap tas-CSR tal-Bank of Valletta. “Fil-BOV, nemmnu bis-sħiħ li l-Isport huwa element essenzjali ta’ komunità b’saħħitha, u aħna kburin li nkunu assoċjati ma’ dan l-avveniment prestiġjuż. Nieħdu din l-opportunità biex nawguraw suċċess lill-parteċipanti kollha matul l-avvenimenti relatati mal-BOV Tazza l-Kbira.”
“Il-BOV Tazza l-Kbira hija aktar minn sempliċi tiġrija, hija ċelebrazzjoni ta’ tradizzjoni, eċċellenza fil-prestazzjoni, u r-rabta storika mill-qrib bejn il-bniedem u ż-żiemel,” qal il-President tal-Malta Equidrome Matthew Brincat. “Minbarra l-ispettaklu fuq il-korsa, il-Finali se tinkludi l-parata tradizzjonali kif ukoll programm ta’ divertiment għal dawk kollha preżenti fil-korsa tal-Marsa.”
Din il-kollaborazzjoni bejn il-Bank of Valletta u l-Malta Equidrome, minbarra l-ispettaklu tat-tiġrijiet, għandha wkoll premju globali ta’ €21,200.