Saturday, December 21, 2024

Iż-żwiemel tal-Klassi Silver jikkompetu fil-finali tal-Kampjonat Krafft

Aqra wkoll

Nhar il-Ħadd 3 ta’ Diċembru, tnax mill-aqwa żwiemel tal-klassi Silver se jikkompetu fil-finali tal-Kampjonat Krafft. Din is-sena din il-kompetizzjoni rat numru rekord ta’ parteċipanti hekk kif b’111-il żiemel kellhom isiru 10 heats preliminarji li minnhom 40 għamluha għas-semi finali. Il-kompetizzjoni kienet waħda iebsa u kull żiemel kellu jissielet sabiex jikkwalifika għal din il-finali li issa saret waħda fissa fil-kalendarju tat-trott lokali hekk kif ilha tiġi organizzata mill-2015.

Matul il-konferenza stampa, Shawn Pete Azzopardi, li huwa l-importatur lokali tad-ditta tal-għalf taż-żwiemel Krafft, wera s-sodisfazzjon tiegħu li numru kbir ta’ żwiemel urew interess f’dan il-kampjonat u anke għal-livell għoli ta’ kompetizzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-viċi Chairman tal-Malta Racing Club Anthony Demanuele qal li n-numru ta’ żwiemel li ġew irreġistrati f’dan il-kampjonat huwa xiehda li l-isport tat-tiġrijiet taż-żwiemel qed ikompli jikber kull sena bis-sidien jinvestu fi żwiemel ġodda kontinwament.

L-Avukat Matthew Brincat, Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome, sostna li bis-sapport kontinwu tal-isponsors jistgħu jiġu organizzati kompetizzjonijiet ta’ livell għoli li jagħtu spettaklu kemm lis-sidien kif ukoll lil dawk kollha li ta’ kull ġimgħa jinżlu jsegwu t-tiġrijiet. Huwa kompli jgħid li kien għalhekk li l-Malta Equidrome għandha l-għan li tattira kollaboraturi ġodda sabiex jiġu maħluqa kompetizzjonijiet matul is-sena kollha.

Dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ pożizzjonijiet se jingħataw trofej u għotjien apparti l-premjijiet fi flus.

Preżenti kien hemm ukoll is-sidien taż-żwiemel finalisti li assistew għat-tlugħ tan-numri li bihom se jiġru fil-finali.

Ekonomija

Sport