Il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Omar Farrugia flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żaru l-binja tal-Aġenzija Żgħażagħ f’Għajnsielem, Għawdex, fejn iddiskutew il-ħidma li qed issir maż-żgħażagħ fil-gżira u l-importanza li jkomplu jissaħħu s-servizzi u l-opportunitajiet offruti liż-żgħażagħ Għawdxin.
Matul iż-żjara, iż-żewġ Ministri kellhom l-opportunità jsiru jafu aktar dwar kif qed tintuża din il-binja u l-attivitajiet differenti organizzati mill-Aġenzija Żgħażagħ. Dawn jinkludu attivitajiet għaż-żgħażagħ, workshops, laqgħat, sessjonijiet ta’ taħriġ, avvenimenti soċjali u inizjattivi oħra li għandhom l-għan li jħeġġu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, l-iżvilupp personali tagħhom u l-involviment attiv fil-komunitajiet tagħhom.
Din il-binja, li hija mmexxija mill-Aġenzija Żgħażagħ, iservi bħala punt ta’ riferiment importanti għaż-żgħażagħ f’Għawdex, billi joffrilhom spazju apposta fejn jistgħu jiltaqgħu, jaqsmu l-ideat, jiżviluppaw ħiliet ġodda u jieħdu sehem f’attivitajiet differenti. Spazji bħal dawn għandhom rwol importanti biex joħolqu sens ta’ appartenenza, filwaqt li joffru liż-żgħażagħ opportunitajiet biex jikbru, jitgħallmu u jibnu relazzjonijiet sinifikanti ma’ persuni oħra.
Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq l-importanza li ż-żgħażagħ Għawdxin ikollhom aċċess għall-istess opportunitajiet, appoġġ u inizjattivi li huma disponibbli għal sħabhom f’Malta. Filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet u r-realtajiet partikolari taż-żgħażagħ Għawdxin, iż-żewġ Ministri enfasizzaw l-importanza ta’ kollaborazzjoni kontinwa sabiex jiġu identifikati aktar opportunitajiet u jissaħħu l-attivitajiet li qed jiġu offruti fil-gżira.
Il-Ministru Omar Farrugia qal kif l-Aġenzija Żgħażagħ għanda diversi skemi, programmi u opportunitajiet li ż-żgħażagħ jistgħu jibbenefikaw minnhom. “Propju hawnhekk f’din il-binja f’Għawdex, iż-żgħażagħ Għawdxin ukoll ikollhom l-opportunità biex igawdu minn dak kollu li qed noħolqu flimkien sabiex il-futur taż-żgħażagħ verament ikun wieħed b’saħħtu.”
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr, “Aġenzija Żgħażagħ taħdem ħafna fost iż-żgħażagħ tagħna u l-konkorrenza, l-attivitajiet, il-feedback li jkollna mingħand iż-żgħażagħ, turi s-suċċess ta’ din l-aġenzija anki ġewwa Għawdex. Apparti dan, l-istess aġenzija toffri diversi opportunitajiet liż-żgħażagħ, b’mod partikolari wkoll fejn jidħlu esperjenzi ta’ safar anke f’istituzzjonijiet Ewropej u għaldaqstant, inħeġġeġ aktar żgħażagħ li għadhom m’għamlux il-pass li jersqu hawnhekk biex jesperjenzaw il-ġid u fl-aħħar mill-aħħar il-progress li jistgħu jagħmlu f’ħajjithom anke bl-involviment tagħhom f’din l-aġenzija.”
Din iż-żjara tifforma parti mill-impenn kontinwu taż-żewġ Ministeri sabiex iż-żgħażagħ jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-importanza li jsir investiment fi spazji, inizjattivi u opportunitajiet li jirrispondu għall-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Permezz ta’ kollaborazzjoni kontinwa mal-Aġenzija Żgħażagħ, iż-żewġ Ministeri se jkomplu jaħdmu sabiex jissaħħu l-attivitajiet għaż-żgħażagħ f’Għawdex, u jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal ambjenti pożittivi fejn jistgħu jipparteċipaw, jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u jkollhom rwol attiv fil-komunitajiet tagħhom.
