Il-General Workers’ Union (GWU), permezz tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid mal-kumpanija Foster Clark Products Limited, li jkopri l-perjodu bejn l-2025 u l-2027.
Dan il-ftehim, li ġie ffirmat fil-5 ta’ Novembru 2026, ikopri madwar 150 ħaddiem f’diversi gradi, fosthom supervisors, storekeepers, quality controllers, warehouse logistics coordinators u ħaddiema fi gradi tekniċi.
Permezz ta’ dan il-Ftehim Kollettiv, il-ħaddiema se jibbenefikaw minn titjib fil-pagi, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u tisħiħ tal-miżuri favur il-familja (family-friendly measures), bil-għan li jinkiseb bilanċ aħjar bejn ir-responsabbiltajiet professjonali u dawk personali u familjari.
Il-ftehim huwa r-riżultat ta’ negozjati bejn il-GWU u l-maniġment tal-kumpanija, bil-għan li jkomplu jissaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, jiġu mħarsa l-interessi tal-ħaddiema u jiġi rikonoxxut il-kontribut tagħhom għas-suċċess tal-kumpanija.
Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU, Brian Bonnici, sostna li dan il-ftehim jirrifletti l-importanza tad-djalogu soċjali u tal-kollaborazzjoni bejn il-union, il-ħaddiema u l-maniġment sabiex jintlaħqu soluzzjonijiet li jkunu ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha.
Huwa enfasizza li t-titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, flimkien ma’ miżuri li jagħtu aktar importanza lill-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, huma essenzjali biex il-ħaddiema jħossuhom aktar apprezzati u motivati fil-ħidma tagħhom.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Joseph Busuttil filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha involuti fil-proċess li wassal għal dan il-ftehim, saħaq fuq l-importanza li l-kumpanija tati fl-investiment kontinwu fil-ħaddiema, fil-ħiliet tagħhom u fl-iżvilupp professjonali, partikolarment f’settur fejn l-innovazzjoni, it-teknoloġija u l-effiċjenza għandhom rwol dejjem aktar importanti.
“Foster Clark Products Limited, li topera minn Malta, hija kumpanija attiva fil-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel u x-xorb, b’preżenza f’diversi swieq internazzjonali. Il-kumpanija tkompli tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp, fil-proċessi tal-produzzjoni u fit-teknoloġija, filwaqt li taħdem biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq internazzjonali,” qal Busuttil.
Il-GWU ttenni l-impenn tagħha li tkompli taħdem favur pagi ġusti, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, aktar miżuri favur il-familja u opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali għall-ħaddiema kollha li tirrappreżenta.
