Tuesday, December 24, 2024

“Iżżewwiġt sempliċiment għat-tifel u biex missieru jibqa’ hawn”

... kien isawwatha b’żarbuna u qabditu f’”Be Naugthy”

Aqra wkoll

Kellha biss ftit aktar minn 16-il sena meta bdiet toħroġ ma’ raġel li ltaqgħet miegħu fil-Karnival.  Ta’ 18-il sena ħarġet tqila minnu. Tiskopri kien taqqalha bi skop u beda jipproponilha biex jiżżewwġu. Hekk fil-fatt ġara wara li tkellem ma’ omm it-tfajla. Il-ġimgħat u snin ta’ wara ma kinux faċli. Tant li spiċċat vittma ta’ vjolenza domestika u kienet tissawwat b’żarbuna. Kien jheddidha li anke jaħrab minn Malta. It-tfajla tgħid li ““jien kont iżżewiġt sempliċiment għat-tifel, u biex it-tifel ikollu missieru Malta. Xtaqt li missieru jibqa’ Malta u b’hekk it-tifel jitrabba f’familja. Ma rridx li  jitrabba’ mingħajr missier, u jien ħsibt li biż-żwieġ jien kont se nżommu Malta”.   Hi sabet li kien jidħol fis-sit ‘Be Naughty’ u anke kellu chats ma’ nisa barranin.  Waqt li kienet bdiet proċeduri għas-separazzjoni, ir-raġel telaq minn Malta u llum ma tafx fejn jinsab. 

Fl-affidavit tagħha, l-omm tispjega li ltaqgħet mar-raġel nhar l-4 ta’ Frar tas-sena 2008 waqt li kienet il-Belt ma’ ħabiba tagħha fil-Karnival, u minn dakinhar bdew joħorġu flimkien. Dak iż-żmien hi għad kellha sittax-il sena u r-raġel kien jinsab Malta bħala immigrant irregolari. Matul l-għerusija tagħhom u għal ħabta ta’ Mejju jew Ġunju tas-sena 2009, ir-raġel talab lit-tfajla sabiex tiżżewġu u li kellu x-xewqa jmur jara lil familtu ġewwa l-Ghana, iżda hi kienet irrifjutat għax fil-fehma tagħha kienet għadha wisq żgħira hekk kif lanqas kien għad kellha tmintax-il  sena. 

Konsegwentament, f’Lulju 2009, l-omm tispjega li kienet ħarġet tqila, u nhar il-5 ta’ April 2010 twieled il-minuri. Tgħid li meta ħarġet tqila, ir-raġel kien għamel xenata sħiħa, iżda tkompli billi tallega li sentejn wara hu kien ammetta magħha li huwa kien proprju ppjana li jtaqqal lit-tfajla Matul it-tqala, ir-raġel reġa’ semma’ il-kwistjoni ta’ żwieġ, tant li beda jinsisti li peress li kienet tqila, kien jagħmel sens li huma jiżżewġu. It-tfajla qalet  li darba minnhom waqt it-tqala, kien qalilha li jekk ma tiżżewġux huwa kien lest li jitlaq Sqallija u jħalliha waħedha bil-wild. Dan il-kliem kien ta’ xokk lit-tfajla, iżda eventwalment hu kien. kellem lil ommha u bdew il-preparamenti taż-żwieġ. Spiċċaw iżżewġu fl-24 ta’ April tas-sena 2010 wara li twieled il-minuri, iżda ma għamlux riċeviment. 

Hi u l-minuri kienu jgħaddu bl-istipendju u bi flus li ttiha ommha

It-tfajla tgħid li “jien kont iżżewiġt sempliċiment għat-tifel, u biex it-tifel ikollu missieru Malta. Xtaqt li missieru jibqa’ Malta u b’hekk it-tifel jitrabba f’familja. Ma rridx li  jitrabba’ mingħajr missier, u jien ħsibt li biż-żwieġ jien kont se nżommu Malta”.  Jiġi spjegat li tul l-għerusija u meta twieled il-minuri, hi baqgħet tgħix fid-dar ta’ ommha fil-Furjana, filwaqt li tikkonferma ukoll li kienet għadha studenta l-MCAST waqt li r-raġel kien jaħdem bħala delivery man ma’ kumpanija tal-eletronics. Tgħid li għalkemm hu kien iġib miegħu xi ikel, huwa ma kienx jipprovdi finanzjarjament għaliha jew għat-tifel, u b’hekk hi kienet kostretta li tgħaddi bl-istipendju u bil-ħlas ta’ work placements, filwaqt li kienet tgħinha ukoll ommha. Fil-bidu tas-sena 2012, marru jgħixu flimkien f’’post ieħor fejn kellhom iħallsu s-somma ta’ €280 fis-sena bħala kirja. Hu ma riedx jagħti sehmu fil-kirja tal-fond matrimonjali u allegatament huwa xorta waħda baqa’ jżomm il-post l-ieħor li kien jgħix fih bħala prekawzjoni f’każ li hi. tkeċċih mid-dar. 

Tispjega li telgħat darbtejn il-Ghana, filwaqt li l-minuri tela’ iktar drabi ma’ missieru biss, fejn saħansitra darba minnhom dam xahrejn. Madanakollu kien hemm drabi oħra fejn irr-raġel mar il-Ghana waħdu, fejn normalment kien imur il-Ghana madwar darbtejn fis-sena.

Hi tgħid li sofriet minn vjolenza domestika severa mir-raġel waqt argument, fejn refa’ jdejh fuqha b’mod gravi. Minkejja li kienet ċemplet 112, l-attriċi tallega li ma sabitx għajnuna. Tul ir-relazzjoni tal-partijiet, inkluz fl-għerusija, minn dejjem kien jezisti ġlied ikrah bejn il-partijiet, liema ġlied xi drabi kien ikun akkumpanjat bi vjolenza mir-raġel, fejn allegatament ġieli qalgħat xi daqqa ta’ żarbuna u ġieli ratu jkisser xi affarijiet. 

L-omm tispjega li kull meta l-partijiet joħorġu flimkien, hu kien dejjem igorr u jkun fuq qalbu. Tgħid li darba kienu sejrin għal festa ta’ San Ġiljan flimkien u ma setgħux isibu parkeġġ u hu beda jgorr. Tgħid illi kienet ikkonfrontatu li meta jkun magħha u binhom dejjem igorr u jagħmel kollox kontra qalbu. Spiċċaw il-festa ma marrux u marru lura d-dar. Hekk kif waslu hu kisser il-bieb tal-antiporta u l-ħġieġ. 

It-tfajla tgħid li kienet ilha mdejqa f’din il-ħajja, u tgħid li “pero’ kont inkun qed inħares ‘l quddiem għall-perjodi li huwa ma jkunx Malta. Iż-żmien li ma kienx ikun Malta, kien ikun nifs għalija mill-ħajja kerha li kellna flimkien. Kont nipprova nissaporti kemm niflaħ minħabba it-tifel”.

Tela’ l-Ingilterra u sabet li daħal fis-sit bi ħlas ‘Be Naughty’

Ġara li fi Frar 2019, hu tela’ waħdu l-Ingilterra għal ħamest’ ijiem u matul dan il-perjodu, kien wasal id-dar statement bankarju tal-visa card tiegħu. Mit-transazzjonijiet imniżżla fl-istatement bankarju, l-omm innutat ċertu subscriptions li kellu  u għaldaqstant daħlet fl-emails tiegħu fejn skopriet li kellu subscription fuq website bl-isem ta’ ‘Be Naughty’. Daħlet fuq din il-website u setgħet tara li hu kellu diversi chats ma’ diversi nisa. Mill-istatement bankarju, setgħet tikkonferma li kien nefaq is-somma ta’ mitejn €200 fuq medda ta’ ħames xhur fuq din is-subscription partikolari. Meta wasal lura mill-Ingilterra, hi kkonfrontatu  u saħqet miegħu li l-Ingilterra mar għal skopijiet tiegħu. Madanakollu  nnega dan kollu u saħaq li l-visa card kien użaha ħabib tiegħu. 

Mix-xhieda ta’ omm it-tfajla, jirriżulta li kienet tkun inkwetata ħafna, tant li ddikjarat li  “mhux darba jew tnejn, kont nistenbaħ bil-lejl, u kont ninkwieta għal binti. Mhux darba li mort nippassiġġa barra, u nimxi sad-dar tagħhom u nissemma’ minn wara il-bieb ħalli nara jekk kienx hemm ħsejjes jew għajjat”. Il-Qorti ddeċidiet billi tat is-separazzjoni lill-mara.

Ekonomija

Sport