Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira, għax minn dejjem kien sport u delizzju tiegħi, kemm meta kont l-iskola u mbagħad anke meta kbirt, bħala plejer u kif ukoll wara li waqaft nilgħab, kelli dejjem il-passjoni anke lejn il-kowċing, jiġifieri l-futbol tista’ tgħid li dejjem kien, beda bħala delizzju, imma llum-il ġurnata jokkupa parti essenzjali minn ħajti.
X’inhuma t-tragwardi taghkom ghal dan l-istagun? Ritorn fil-Malta Premier?
It-tragwardi għal dan l-istaġun; l-ewwel tragward hu li mmorru aħjar mill-istaġun li għadda, dan diġà għamilnieh, speċjalment li kellna t-tim kompletament ġdid, konna nafu li hemm mnejn ser idumu biex jintegraw flimkien, imma grazzi għall-mertu kbir tal-plejers, dan għamluh fi ftit żmien u llum ninsabu f’sitwazzjoni verament tajba u ninsabu mal-ewwel tmienja, li diġà huwa t-tragward li ġie milqugħ u issa ovvjament naraw logħba logħba, kull logħba hija finali u t-tragward tagħna għalkemm huwa milqugħ dejjem immorru biex nippruvaw inġibu t-tliet punti u fl-aħħar tal-istaġun imbagħad naraw fejn naslu.
X’tikkummneta fuq il-kumitat ta’ Tarxien Rainbows immexxi minn Anthony Cassar?
Il-Kumitat ta’ Tarxien Rainbows, bħala klabb huwa familja, immexxi kif għedt tajjeb inti minn Anthony Cassar, li nafu kemm ilu hemmhekk bħala President, però huwa żgur li għamel ħafna ġid mhux biss għar-raħal ta’ Ħal Tarxien, imma wkoll għall-futbol Malti inġenerali. Nies bħall-President Cassar huma importanti u kruċjali, huma ftit dawk li jinvestu daqshekk u jagħmlu daqshekk sagrifiċċji biex jaraw il-klabb u l-futbol Malti jimxi ’l quddiem. Għalhekk żgur li għandna nuru l-apprezzament kbir tagħna lejn dawn in-nies għax qed jinvestu flushom u ħinhom għall-futbol Malti.
Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fiċ-Challenge League?
Bħala differenza fil-livell naħseb li ċ-Challenge League huwa wieħed mill-aktar leagues bilanċjati fil-futbol Malti. Fil-fatt ironikament aħna waqqajna l-punti mit-timijiet tal-parti t’isfel u dak juri x’bilanċ hemm, u anke timijiet bħall-Belt waqqgħu punti ma’ timijiet li qegħdin fil-parti t’isfel, għaliex hemm bilanċ assolut. Nafu xi timijiet li ma daħlux bħal Sirens, Fgura, u Luxol, li għandhom ħafna plejers validi u ta’ esperjenza, u żgur li speċjalment din is-sena, iċ-Challenge league kien diffiċli.
Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?
Rigward il-barranin li qed jiġu f’Malta ma tistax tiġġeneralizza, ovvjament hemm barranin li huma tajbin vera u ta’ ċertu livell, anke bis-saħħa tal-iscouting li qed isir illum il-ġurnata, fejn qabel konna nagħżlu biss fuq vidjo, illum insegwu l-plejers u nistgħu nanalizzaw il-plejers b’reqqa akbar u jsir l-istudju u l-HW tagħna qabel jiġi plejer lejn Malta. Però jista’ jagħti l-każ li ġieli plejer ma jkunx ta’ livell u dan huwa dispjaċir għall-futbol Malti ġenerali, għax il-plejers li għandhom jiġu għandhom jgħollu l-livell tal-plejers Maltin, speċjalment meta tara li jkun hemm plejer barrani qed jilgħab minflok Malti u dan ma jkunx ta’ livell. Għalhekk il-plejers li għandna nġibu hawnhekk għandhom jiġu biex jgħollu l-livell tal-plejers Maltin inġenerali.
Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tac-Challenge League?
Din is-sena Victor Tedesco Stadium għadu kif ġie rinovat u ġie ħafna aħjar. Nemmen li huma diċenti ħafna; kemm Victor Tedesco Stadium u anke s-Centenary Stadium, jiġifieri minn dak l-aspett kien hemm titjib u jkun idealment li kieku ċ-Challenge League isir xi logħob anke fuq il-ħaxix naturali però nifhem li loġistikament mhuwiex daqshekk faċli, imma żgur li tkun xi ħaġa sabiħa li jkollok iż-żewġ leagues li jkunu qed jilagħbu fuq ħaxix naturali.
X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fiċ-Challenge League?
Nemmen li huwa wieħed tajjeb ħafna’ kif tjieb il-livell tal-plejers u tal-kowċing, nemmen li anke r-referijing tjieb ħafna, u ovvjament bħall-plejers u l-kowċis huma suġġetti għall-iżbalji; wieħed jifhem li jista’ jsir xi żball, iżda bis-saħħa tad-dipartiment tar-referis, il-livell tjieb ukoll.
X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?
Il-logħba tal-futbol tirrikkjedi impenn, nafu li l-kompetizzjoni llum qed tiżdied. Li żgur li jitlob huma s-sagrifiċċju u d-dixxiplina. Importanti ħafna għax jekk plejer ma jkollux dixxiplina u ma jissagrifikax ruħu minn affarijiet bħal ħruġ, u affarijiet oħra ta’ divertiment, żgur li ser tkun diffiċli biex jagħmilha. Jiena dejjem ngħid li żewġ ingredjenti biex dejjem tagħmilha fil-futbol huma s-sagrifiċċju u d-determinazzjoni u d-dixxiplina, għax mingħajr dawn l-ingredjenti inti żgur mhux se tkun possibbli li tasal. Ukoll li plejer ma jaqtax qalbu meta jkun hemm il-kompetizzjoni. Importanti li meta jkollok kompetizzjoni trid titħarreġ biex ittejjeb lilek innifsek u tirbaħ postok fit-tim.
Kif jirnexxilek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?
Biex tlaħħaq ovvjament mhux faċli. Li tlaħħaq mal-futbol u x-xogħol jirrikkjedi ħafna ħin u dedikazzjoni għax il-futbol jista’ jitqies bħala full time job, speċjalment fejn jidħol kowċing għax trid tanalizza l-avversarji, lit-tim tiegħek, tipprepara t-taħriġ u tmexxi lill-plejers u t-tim tiegħek. Żgur li mhix faċli għax titlob ħafna sagrifiċċji mill-ħin liberu u anke mill-ħin tal-familja, li huma jkollhom jagħmlu sagrifiċċji daqsna biex tkun tista’ ssir il-preparazzjoni meħtieġa.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi ma’ Tarxien, li issa din hija t-tielet sena tiegħi minn mindu sseħibt bħala Head Coach, il-pjan kien li nibnu l-pedament u l-bażi ta’ tim biex ikun kompetittiv biex ikun wieħed li jilqa’ l-isfidi għall-promozzjoni. Nemmen li dan għamilnieh din is-sena u ħsadna l-frott ta’ dak kollu li ħdimna għalih u bnejna dan l-aħħar sentejn u nemmen li l-futur tal-klabb huwa sabiħ b’dak li diġà twettaq din is-sena. Fl-aħħar tal-istaġun inpoġġu flimkien u naraw il-pjanijiet kemm fuq livell personali u anke bħala klabb.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.
Finalment il-messaġġ huwa wieħed ta’ kuraġġ. Nappella lit-tfal u żgħażagħ biex ma jaqtgħu qalbhom qatt u meta vera jkunu jridu xi ħaġa, u jridu jagħmlu karriera tal-futbol, minkejja s-sagrifiċċji u anke d-dixxiplina li hemm bżonn, meta jaraw l-ostakli mhux jaqtgħu qalbhom, għax fil-futbol, bħal kwalunkwè ħaġa fil-ħajja ser ikun hemm mumenti koroh u diffiċli imma ma jaqtgħux qalbhom, jibqgħu jiġġieldu għal dak li jixtiequ u finalment fil-futur ikunu ħasdu l-frott ta’ dak is-sagrifiċċju li jkunu għamlu.