Negozjant ta’ 21 sena ammetta fil-Qorti li bagħat ritratti u filmati indiċenti lil tfajla ta’ 14-il sena u li stedinha biex tieħu sehem f’attivitajiet sesswali.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, semgħet kif l-akkużat kien ilu jikkomunika mat-tfajla permezz ta’ messaġġi. Matul dawn il-konversazzjonijiet, huwa allegatament bagħtilha materjal ta’ natura sesswali.
Wara l-inċident, it-tfajla marret l-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra flimkien ma’ missierha biex tagħmel rapport.
L-investigazzjonijiet wasslu lill-pulizija biex jidentifikaw u jarrestaw lill-akkużat fir-residenza tiegħu. Huwa tressaq il-Qorti fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Matul is-seduta, id-difiża spjegat li l-akkużat beda jattendi sessjonijiet ma’ psikoterapista sabiex jindirizza kwistjonijiet relatati mal-każ.
L-Avukati tiegħu talbu wkoll lill-Qorti biex qabel tingħata s-sentenza finali jitħejja pre-sentencing report sabiex jiġu evalwati ċ-ċirkostanzi personali tal-akkużat.
Saret ukoll talba għall-ħelsien mill-arrest, li ġiet milqugħa mill-Qorti.
Fost il-kundizzjonijiet imposti, l-akkużat irid jiffirma l-ktieb tal-bail darbtejn fil-ġimgħa, josserva curfew bejn il-11.00 p.m. u s-6.00 a.m. u ma jistax jidħol jew jersaq lejn iż-żona ta’ Buġibba fejn tgħix il-vittma.
Il-Qorti imponiet ukoll depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €8,000.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Marshall Mallia u Warren Galea, assistiti mill-avukat Cynthia Tomasuolo. L-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru għall-akkużat.



