Wednesday, June 17, 2026

Seba’ snin ħabs fuq sensiela ta’ serqiet

Aqra wkoll

Rumen ta’ 27 sena kien ikkundannat seba’ snin ħabs wara li ammetta l-involviment tiegħu f’sensiela ta’ serqiet li fihom grupp ta’ erba’ rġiel kienu battlu l-ixkafef ta’ ħamest iħwienet li jbigħu apparati elettroniċi f’temp ta’ ftit minuti. 

Marius Iorga, li kien estradit minn Bucharest, kien mixli b’assoċjazzjoni kriminali u serq minn diversi ħwienet f’Lulju tal-2023, bil-valur tal-oġġetti misruqa kien jaqbeż l-€2,329. Huwa kien mixli wkoll li għamel ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor. 

Il-Qorti preseduta mil-Maġistrat Marse-Ann Farrugia rat ir-rikors konġunt tal-Avukat Ġenerali u ta’ Marius Iorga, fejn talbu li f’każ li l-imputat jiddikjara ruħu ħati, il-piena li tingħata għandha tkun waħda ta’ priġunerija effettiva għal perjodu ta’ seba’ snin. 

L-imputat kien irreġistra ammissjoni għall-imputazzjonijiet kollha dedotti fil-konfront tiegħu, bil-Qorti tilqa’ t-talba tal-partijiet u filwaqt li sabitu ħati, ikkundannatu għall-imsemmija piena. 

Il-Qorti ordnatlu wkoll iħallas kwart l-ammont tal-ispejjeż relatati mal-ħatra tal-esperti kif ukoll ordnat il-konfiska ta’ €200,000 rappreżentanti r-rikavat li ġej mir-reati li tagħhom l-imputat instab ħati. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Joseph Mercieca u Christina Delia. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport