Wednesday, June 17, 2026

Ftit Rakkonti

Aqra wkoll

Nista’ ngħid li l-binja tal-Parlament ma sirtx nafha meta ġejt elett fl-2017 iżda ferm qabel. F’Mejju 2013, kont inħtart Cħairman tal-Grand Harbour Regeneration Corporation. Korporazzjoni li dak iż-żmien kellha r-responsabiltà tal-proġett fid-daħla tal-Belt li kien inbeda fi snin ta’ qabel. Proġett li ġie mfassal mill-perit ta’ fama internazzjonali Renzo Piano.

Proġett li tista’ tgħid kien soġġett għal ħafna kontroversja dwar diversi aspetti mhux b’inqas id-disinn tiegħu. Lil hinn minn dak li ingħad, xtaqt naqsam magħkom xi esperjenzi li kelli fiż-żmien li fih kelli ma’ oħrajn naraw x’passi kienu meħtieġa biex dan il-proġett jitlesta.

L-ewwel darba li dħalt fis-sit

Għadni niftakar ċar l-ewwel darba li mort inżur is-sit fejn illum hemm il-Parlament. Kont akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv ta’ dak iż-żmien Chris Paris. Is-sur Paris sirt nafu fuq bażi personali mill-ewwel żjara li kont għamilt fl-uffiċini tal-GHRC. Kien laqgħani u nista’ ngħid li bnejna kollaborazzjoni tajba ħafna. Kellna bosta sfidi x’negħlbu u bil-pariri li konna niksbu, bl-għajnuna tal-membri tal-bord tad-diretturi u l-istaff il-proġett kontra kull kurrent twassal fi tmiemu.

Dakinhar li mort l-ewwel darba, l-istruttura tal-bini kienet ilħa lesta ftit taż-żmien iżda kien għad fadal ħafna xogħol marbut mal-faċċata u tlestija tal-intern tal-binja. Id-disinn ta’ din il-binja huwa kumpless ferm u wieħed ma jistax iqabbel ix-xogħol li kien għad fadal isir max-xogħol tal-finishing f’binja bid-disinn li normalment jintuża f’binjiet oħra f’Malta.

Ix-xogħol fis-sala tal-Parlament kien għadu lura ferm. Ma kienx faċli tidħol minħabba li scaffolding li kien armat biex isir ix-xogħol estensiv li kien għad fadal b’mod partikolari fis-saqaf. Ir-reazzjoni tiegħi dakinhar kienet b’mistoqsija lis-sur Paris “Hemm pjan biex dan il-proġett jitwassal sal-aħħar?” Ir-risposta kienet ċara li kien hemm diversi sfidi li riedu jingħelbu.

Il-ġebla li ntużat fil-faċċata

Il-faċċata tal-Parlament, l-art tal-madwar inkluż Pjazza Tritoni hija ġebla li nqatgħet minn barriera f’Għawdex. Hija ġebla tal-qawwi u nista’ ngħid li l-Perit Renzo Piano kien insista li fil-proġett, fejn kien possibbli kellha tintuża ġebla minn Malta. Il-ġebla li ntużat għall-pavimentar tad-dawra tal-parlament inħadmet kompletamanet Malta. Il-ġebel tal-faċċata kienet storja oħra.

Dak il-ġebel kien jiġi pproċessat billi l-blokki li kienu jinqatgħu mill-barriera f’Għawdex kienu jitwasslu sa sit fil-Marsa minfejn kienu jitellgħu l-Italja għand id-ditta Filiberti li kienet qed taqta’ l-partijiet. Dawn il-partijiet kienu jinġabu lura Malta biex jitwaħħlu fuq is-sit. Kienet l-għażla tal-kuntrattur Taljan li jaħdem b’dan il-mod. Dan il-proċess, fil-fehma tiegħu wassal għal aktar dewmien. Magħdud ma’ dan, darba fost l-oħrajn, inqagħlet kwistjoni dwar jekk il-barriera kellħiex blat biżżejjed biex jitlestew il-partijiet kollħa li kien għad fadal. Inqala dibattitu qawwi bl-uffiċċju ta’ Piano jinsisti li kellha tintuża biss ġebla minn Malta filwaqt li kien hemm min ried li tintuża ġebla simili li tinqata mill-Italja.

Irriżulta li l-barriera kellha bizzejjed blat u x-xogħol tkompla kif kien miftiehem fil-bidu. It-triq sal-aħħar ma kinetx waħda faċli u nqalgħu argumenti serji b’mod partikolari ma’ dan il-kuntrattur li kien sub-contractor ta’ kuntratturi Maltin.

Intervistat fuq Le Iene

Biex inwasslu l-proġett kellna nieħdu pożizzjonijiet iebsa. Ridna naraw li l-affarijiet jimxu f’inqas żmien iżda r-riżultati li jinkisbu ikunu riżultati tajba. Ta’ Filiberti ma kienux kuntenti bil-pożizzjonijiet li ħadna u kienu jagħmlu minn kollox biex nieħdu pożizzjonijiet differenti.

Fil-bidu tas-sena 2016, il-Parlament kien diġa ilu jopera għal xi xħur mill-binja l-ġdida iżda l-kwistjonijiet legali u tekniċi kienu għadhom għaddejjin mal-kuntratturi tal-proġett. Darba fost l-oħrajn, kien il-ġimgħa filgħaxija u irċevejt telefonata mingħand il-Prim Ministru Josepħ Muscat. Kien qalli “Jien qiegħed attività u ġew fuqi ta’ Le Iene jistaqsuni fuq il-proġett tal-Parlament”. S’intendi, id-dettall kont nafu ferm aktar jien u l-għada kont iltqajt ma’ Fillippo Roma ġurnalist ta’ Le Iene li staqsieni għaliex id-ditta Filiberti kienet ma tħallsitx. Il-pożizzjoni tagħna ma nbidlitx u qabel ma ġew irranġati n-nuqqsijiet il-pagamenti ma sarux.

Dawn huma ftit rakkonti mill-episodji li għext marbuta ma’ dan il-proġett. Hemm okkażjonijiet oħra li għad nirrakkonta. Il-Parlament ilu fil-binja għal 11 il-sena. Nhar is-Sibt din il-binja se tospita it-tielet okkażjoni ta’ Parlament ġdid. Awguri għall-ħidma għal din il-leġiżlatura.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport