Waqt telefonata li kellu mal-President tal-Istati Uniti Donald Trump, il-mexxej tal-Ukrajna Volodomyr Zelensky għamel proposta li fiha ssuġġerixxa li jiltaqa wiċċ imb’wiċċ ma Vladimir Putin fl-Istati Uniti.
Il-President Ukren Zelensky qal nhar it-Tnejn li huwa kien lest li jiltaqa’ wiċċ imb’wiċċ mal-President Russu Vladimir Putin fl-Istati Uniti, fl-istess waqt li sostna li Putin kien se jsibha aktar diffiċli li jirrifjuta offerta bħal din.
Putin ripetutament irrifjuta proposti għal laqgħa ma’ Zelensky biex jipprova jtemm aktar minn erba’ snin ta’ gwerra. Aktar qabel, Putin injora stedina biex jiltaqa’ ma Zelensky waqt is-summit tal-G7 fi Franza, li beda nhar it-Tnejn. Dwar din l-istedina tal-G7, Zelensky qal li Moska għal darb’oħra wriet li mhix lesta titkellem dwar dan.
Sors fil-presidenza Ukrena qal lil grupp żgħir ta’ ġurnalisti li l-proposta kienet “twasslet xi żmien ilu permezz ta’ diversi kanali fosthom permezz ta’ intermedjarji, diplomatiċi, u aġenziji tal-intelligence”. Iżda tweġiba ċara ma waslrt qatt.
Aktar kmieni dan ix-xahar Puitin qal li ma kien qed jara “l-ebda skop” li jiltaqa’ ma’ Zelensky sakemm ikun lest ftehim ta’ paċi wara li l-mexxej Ukren ħareġ ittra miftuħa li titlob għal taħditiet wiċċ imb wiċċ.
Sadanittant, l-Unjoni Ewropea nhar it-Tnejn mexxiet it-talba tal-Ukrajna biex tissieħeb għall-istadju li jmiss wara dewmien twil. L-Ukrajna għad għandha triq twila u delikata quddiemha sabiex issir membru sħiħ.
Il-ministri tal-affarijiet barranin tas-27 stat tal-UE bdew formalment negozjati mal-Ukrajna u l-Moldova dwar l-allinjament mal-ewwel “grupp” ta’ liġijiet tal-Unjoni Ewropea.
L-Ukrajna kienet ilha mwaħħla għal madwar sentejn hekk kif il-prim ministru nazzjonalista tal-lemin tal-Ungerija Viktor Orban kien imblokka l-progress kollu iżda t-telfa elettorali tiegħu mir-rivali Peter Magyar f’April li għadda reġgħet fetħet it-triq għas-sħubija tal-Ukrajna.



