Wednesday, June 17, 2026

“Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm 2026”

Aqra wkoll

Mill-2004 ’l hawn, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tiddedika l-14 ta’ Ġunju għall-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, jum li jfakkarna fil-ħtieġa kontinwa u vitali tad-donazzjonijiet tad-demm biex jiġu salvati l-ħajjiet. Id-data ntgħażlet b’rikonoxximent lil Karl Landsteiner, l-immunologu u patologu Awstrijak-Amerikan li twieled f’dan il-jum u li, fl-1901, skopra l-gruppi tad-demm ABO – skoperta li bidlet għal dejjem il-mediċina tat-trasfużjoni.

It-tema magħżula għal din is-sena hija – Qatra waħda ta’ Umanità. Agħti d-demm. Salva l-ħajjiet. Din it-tema tfakkarna li wara kull qatra demm hemm ġest profond ta’ kompassjoni u solidarjetà; att sempliċi iżda qawwi li jista’ jagħti tama, kura u ħajja ġdida lil min ikun l-aktar fil-bżonn.

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ikompli jaħdem biex iħeġġeġ aktar persuni jersqu jagħtu d-demm, filwaqt li jesprimi r-rikonoxximent u l-apprezzament tiegħu lejn dawk id-donaturi li, b’fedeltà u sens profond ta’ umanità, jagħtu d-demm b’mod regolari. Permezz ta’ kull donazzjoni, dawn id-donaturi jwasslu tama konkreta lil min ikun fil-bżonn u jagħtu sehem imprezzabbli biex isalvaw il-ħajjiet.

F’ċerimonja solenni li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton, taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, ingħata ġieħ lil għaxar donaturi nisa u għaxar donaturi rġiel li, tul is-snin, komplew jagħtu d-demm b’ġenerożità, dedikazzjoni u sens profond ta’ solidarjetà. Bil-kontribut kostanti tagħhom, dawn id-donaturi saru xhieda ħajja ta’ kif att sempliċi ta’ għotja jista’ jwassal tama, kura u ħajja ġdida lil min ikun l-aktar fil-bżonn.

F’diskors tal-okkażjoni, il-President sellmet il-ġenerożità, l-altruwiżmu u l-impenn kontinwu tad-donaturi tad-demm, filwaqt li esprimiet l-apprezzament tal-Presidenza lejhom, lejn il-familji tagħhom u lejn il-professjonisti tas-Servizz tat-Trasfużjoni tad-Demm. Hija saħqet ukoll fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ l-għarfien pubbliku dwar l-importanza tad-donazzjoni tad-demm, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, sabiex aktar persuni jiġu mħeġġa jagħtu sehemhom b’mod regolari f’dan il-ġest li jsalva l-ħajjiet.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-President ippreżentat plakka kommemorattiva lid-donaturi nisa u rġiel, f’ġest ta’ apprezzament lejn l-impenn eżemplari tagħhom li wassalhom jagħtu ħamsin u mitt borża demm rispettivament.

Fl-istess ċerimonja nstemgħu żewġ testimonjanzi li qanqlu emozzjoni, minn persuni li llum jistgħu jkomplu jgawdu l-ħajja grazzi għall-ġenerożità u l-umanità tad-donaturi tad-demm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport