Għal żmien twil, l-industrija tal-films f’pajjiżna kienet waħda staġjonali. Kienet tkun ikkritikata bħala waħda li taħdem bl-iskossi. Dan ix-xenarju dam għaddej għal xi żmien. Issa, il-paġna nqalbet kompletament u qegħdin naraw industrija li kulma jmur qed tkompli tiffjorixxi, tiknber u tissaħħaħ.
Industrija li qiegħda toffri impjiegi u karrieri tajbin. Dan qed tagħmlu għax qed tiġbed lejn pajjiżna aktar u aktar films u aktar blockbusterrs minn sena għal oħra.
Bla dubju li x-xenarju naturali tal-gżejjer Maltin magħġun mal-wirt storiku u kultura li huma mogħnija bih, u anke s-sbuħija tal-ibliet u l-irħula tagħna flimkien mal-faċilitajiet tal-ewwel klassi fir-Rikżli, huma asset għall-industrija tal-ġbid tal-films. Joffru sfond mill-isbaħ għall-kwalunkwe produzzjoni.
Dan ma ngħiduhx aħna biss imma jgħiduh ukoll bosta diretturi u produtturi u anki atturi li baqgħu msaħħra b’dak kollu li pajjiżna joffri. Wirt storiku, poplu ospitabbli u ħaddiema bieżla li jitgħallmu malajr aktar minn popli oħra.
Naqblu ma’ dak li qal il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech li l-missjoni fil-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta, il-missjoni hija ċara: li jġibu proġetti li jsostnu l-industrija ċinematografika, li joħolqu opportunitajiet reali għall-ekwipaġġ u jikkontribwixxu għal ekonomija ta’ kwalità.
Biss biss, mill-2018 ‘lhawn ġew prodotti f’pajjiżna 169 film b’budgets li jaqbżu s-€635 miljun li ħallew impatt pożittiv ferm fuq l-ekonomija nazzjonali.
Quddiem dan kollu għandna għalfejn inkunu sodisfatti li l-investimenti li saru matul is-snin kinux flus moħlija kif għad hawn min jgħid, imma ħafna minnhom kienu diretti biex jiġu modernizzati l-faċilitajiet eżistenti li komplew jagħmlu lil pajjiżna ċentru mediterranju jekk mhux ukoll internazzjonali għall-ġbid tal-films.



