Wednesday, June 17, 2026

Imniedi l-Malta International Wine Festival 2026 fil-Ġonna tal-Argotti

Aqra wkoll

Tnieda uffiċjalment il-Malta International Wine Festival 2026, li se jittella’ fil-Ġonna tal-Argotti bejn is-17 u l-21 ta’ Ġunju. Il-festival huwa wieħed mill-akbar avvenimenti marbuta mal-inbid f’pajjiżna u joffri pjattaforma għall-promozzjoni tal-vitikultura, tal-produzzjoni tal-inbid u tal-kultura gastronomika.

Waqt din it-tnedija, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo saħaq fuq l-importanza tas-settur tal-inbid bħala parti integrali mis-settur agrikolu Malti u enfasizza l-kontribut tal-bdiewa, tal-produtturi u tal-operaturi kollha involuti fil-katina tal-produzzjoni.

Il-Ministru qal li l-festival joffri opportunità biex il-pubbliku japprezza aħjar il-kwalità tal-inbejjed prodotti lokalment filwaqt li jiskopri wkoll prodotti internazzjonali. Huwa tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja inizjattivi li jippromwovu l-prodott lokali, isaħħu l-għarfien dwar il-vitikultura u jkomplu joħolqu valur miżjud għas-settur agroalimentari.

Matul il-ħamest ijiem tal-festival, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jesperjenzaw għażla wiesgħa ta’ inbejjed minn Malta u minn diversi pajjiżi oħra, kif ukoll jipparteċipaw f’attivitajiet edukattivi dwar il-produzzjoni tal-inbid, jiltaqgħu ma’ produtturi u jgawdu minn programm ta’ divertiment u gastronomija f’ambjent uniku fil-Ġonna tal-Argotti.

L-organizzaturi spjegaw kif il-festival se jkompli joffri esperjenza informattiva, edukattiva u kulturali li tgħaqqad il-passjoni għall-inbid mal-apprezzament lejn il-ħidma ta’ dawk kollha involuti fil-produzzjoni tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport