Wednesday, May 6, 2026

Jammetti li daħħal f’pajjiżna vetturi lussużi misruqa

Aqra wkoll

Ahmed Ab’a Khabiza, Libjan ta’ 37 sena, kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta l-involviment tiegħu f’każ dwar importazzjoni ta’ vetturi lussużi misruqa.

Il-Maġistrat Astrid May Grima semgħet kif ir-raġel allegatament kien involut fit-traġitt ta’ tliet karozzi misruqa li daħħal f’Malta minn Pozzallo, abbord il-Virtu Ferries bejn Novembru u Diċembru tal-2025. Il-vetturi kienu Toyota Land Cruiser, Lexus u MG. 

Fil-Qorti kien instema’ kif uffiċjali tad-Dwana fit-terminal tal-Marsa kienu infurmaw lill-pulizija dwar vettura suspettuża li kienet għadha kif waslet minn Sqallija.

L-uffiċjali mit-Taqsima tal-vetturi misruqa kienu marru fuq il-post u sabu diversi inkonsistenzi. L-investigazzjoni aktar tard uriet li t-Toyota Land Cruiser kienet vettura ġdida.

Il-pulizija stabbiliet li Khabiza kien ġie Malta darbtejn oħra qabel, fejn allegatament daħħal żewġ vetturi f’żewġ vjaġġi separati. Dawn il-vetturi rriżulta li kienu misruqa wkoll, waħda minn Spanja u l-oħra mill-Italja. 

Il-prosekuzzjoni kienet qalet li l-imputat, fimkien ma’ raġel ieħor, kien ġie arrestat wara “investigazzjoni kumplessa ħafna” li żvelat kif vetturi kienu qed jiġu importati f’Malta bl-użu ta’ dokumenti foloz minn pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea.

Wara li kienu jinżammu Malta għal “ftit jiem”, l-vetturi kienu jintbagħtu lejn l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani. 

L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għal Khabiza. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport