Sunday, December 22, 2024

Jammetti li seraq basket u nefaq kulma kien hemm fir-Revolut

Aqra wkoll

Adhanom Gebrit, Eritrean ta’ 21 sena ġie kkundannat 24 xahar ħabs wara li aktar kmieni din il-ġimgħa nstab ħati li bejn il-21 u t-22 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra seraq basket bi flus u oġġetti minn karozza fil-Marsa.

Quddiem il-Marse-Ann Farrugia l-Prosekuzzjoni qalet li l-basket li nsteraq kien fih card tar-Revolut, żewġ credit cards, mobile u madwar €300 fi flus kontanti.

Minn investigazzjonijiet li saru jirriżulta li l-akkużat uża l-card tar-Revolut biex għamel żewġ tranżazzjonijiet ta’ €5.30, oħra ta’ €15.90 u oħra ta’ €50. Skont dak li ġie ppreżentat fil-Qorti l-ħames tranżazzjoni li pprova jagħmel l-akkużat ma saritx għax ma kienx hemm flus biżżejjed fil-kont bankarju.

Adhanom Gebrit li qal li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 3 snin ammetta l-akkużi kollha kontrih.

Il-Maġistrat fis-sentenza tagħha qalet li l-akkużat kien diġà ngħata ċ-ċans biex jirriforma ruħu u jżomm ‘il bogħod mill-kriminalità. Iżda skont il-Maġistrat hu baqa’ fl-istess triq u għalhekk tilef din l-opportunità.

Kien għalhekk li hu ġie kkundannat 15-il xahar ħabs u 9 xhur oħrajn għax wettaq dan ir-reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża. Il-Qorti ordnatlu wkoll iħallas €350 fi spejjeż tal-Qorti u €500 lill-vittma.

Ekonomija

Sport