Wednesday, May 22, 2024

Jammetti li seraq minn garaxx ta’ mekkanik 

Aqra wkoll

Raġel ta’ 45 sena residenti Wied il-Għajn ingħata l-libertà proviżorja wara li wieġeb ħati għal akkużi li seraq flus kontanti minn garaxx ta’ mekkanik f’Ħaż-Żabbar aktar kmieni dan ix-xahar. 

Mark Scerri, li fil-Qorti qal li ma jaħdimx, kien mixli b’serq aggravat, li kiser żewġ digrieti li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv.

Il-każ seħħ fit-3 ta’ Novembru, għall-ħabta tas-6.00 p.m., meta s-suspettat daħal fil-garaxx u allegatament seraq mat-€350 fi flus kontanti. Sussegwentement, sid il-garaxx għamel rapport lill-pulizija.

Filmati tas-CCTV minn fuq ix-xena tar-reat wasslu għas-suspettat u wara ġie arrestat. Wara li kkonsulta mal-avukat tiegħu, Scerri wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, iddeferiet il-kawża għall-ġimgħa d-dieħla sabiex il-Prosekuzzjoni tesebixxi d-digrieti tal-pleġġ imsemmija fl-akkużi u biex l-imputat jikkonferma l-ammissjoni tiegħu.

Intant, Scerri ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar kuljum.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Darren Buhagiar u Gabriel Kitcher. L-Avukat Lennox Vella deher għal Scerri.

Sport