Thursday, April 18, 2024

Jammetti li seraq minn ħanut tal-ħwejjeġ f’Birkirkara

Aqra wkoll

Stephen Zammit ta’ 55 sena mill-Imsida nżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti fejn ammetta li f’diversi okkażjonijiet matul dan ix-xahar seraq ħwejjeġ mill-istabbiliment Eurosport f’Birkirkara.

Fil-Qorti ħareġ kif nhar lejlet il-Milied, il-Pulizija rċeviet rapport mid-Direttur ta’ dan l-istabbiliment, li raġel li kien inqabad minn filmati tas-sigurtà jisraq reġa’ kien qiegħed hemmhekk. 

Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post u sabu lir-raġel fiċ-changing room jipprova jaqla’ t-tags minn fuq il-ħwejjeġ. Dak il-ħin, huwa ammetta mal-Pulizija li kien ukoll għamel serqa oħra mill-istabbiliment Teamsport.

Zammit tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella mixli b’serq u li fit-12 ta’ Ottubru li għadda, sab oġġetti ta’ persuna oħra u ma għarrafx bihom lill-pulizija fi żmien tlett ijiem.

Huwa kien mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv. Fil-Qorti ġew ippreżentati l-ħwejjeġ li nstabu fuq l-imputat meta ġie arrestat u l-għodda li kien juża biex jagħmel dawn ir-reati.

Zammit wieġeb ħati tal-akkużi kontra tiegħu, bil-Maġistrat Gabriella Vella se tkun qiegħda tagħti s-sentenza nhar l-Erbgħa li ġej. Sadanittant, huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Andrew Agius u Ritianne Gauci. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Martin Fenech deher għal Zammit.

Ekonomija

Sport