Wednesday, April 24, 2024

IL-FESTI T-TAJBA

Aqra wkoll

Bħalissa l-attivitaà tan-nies tkun waħda movimentata iktar minn tas-soltu. Il-pjanijiet ikunu fl-aqwa tagħhom b’xi ikla jew festin, mal-ħbieb jew familjari, min id-dar jew bnadi oħra. Imbagħad erħilna nippreparaw l-ikla speċjali tal-familja, fejn skont it-tradizzjoni antika nieklu d-dundjan imma llum daħlu riċetti oħra varji u kulħadd jagħmel li jiggosta. F’dawn l-okkażżjonijiet speċjali jitqassmu r-rigali biex nuru l-imħabba u l-apprezzament lejn in-nies viċin tagħna. Nemmnu li tal-anqas darba f’sena nuru r-rabta sabiħa tar-relazzjoni tagħna billi nagħtu rigal. It-tfal l-hena tagħhom li jirċievu rigal u ndaħħluhom fil-fantasija tagħhom billi nispjegawlhom li talli qagħdu bravi, ser jiġi xiħ tal-Milied u jagħtihom rigal. Tfal iktar imfarfrin erħilhom jiġru għand in-nanniet u jiltaqgħu mal-kuġini u ż-żgħażagħ min naħa l-oħra xalata jiltaqgħu mal-ħbieb u jgawdu f’atmosfera differenti.

Dan kollu huwa politika. Meta matul is-sena niddiskutu xi tema jew oħra, ħafna drabi nsemmu li qed nagħmlu dan għall-ġid tan-nies. U n-nies xi jridu? Familja magħquda li jgħixu lkoll flimkien b’livell ta’ kwalità tal-ħajja b’mod diċenti. Dan jagħmluh billi jkollhom saqaf fuq rashom. Iridu xogħol dinjituż sabiex jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Edukazzjoni li tgħinhom ikollhom iktar għarfien u ħiliet. Imbagħad fl-aħħar tal-ġurnata jkollhom ħin ta’ mistrieħ sabiex iqattgħu ftit hin ta’ kwalità flimkien. 

Din is-sena qiegħed inħares lejn il-Milied b’xi ftit jew wisq differenza mis-snin ta’ qabel. Bħala kandidat li qattajt din is-sena nżur il-familja, nifhem iżjed dak li l-poplu jrid minnha. ’Il bogħod mill-politika kontroversjali u xi kultant kumplikata b’ħafna numri u statistika, in-nies fi djarhom sempliċità jridu. Kultant xi politici jintilfu wisq fuq figuri u persentaġġi, pjanijiet u formalitajiet, imma r-realtà hi li kull persuna jinteressa li tgħix b’moħħ seren, f’ħajja sempliċi imma b’dinjità. 

Issoltu l-messaġġi tiegħi ikunu ndirizzati lejn l-elettorat u nispjega kif jistgħu jaraw il-politiku u nfehemhom dak li dan il-Gvern qiegħed jagħmel. Illum differenti. Qiegħed nagħmel eżami tal-kuxjenza u ndur lejna l-politiċi biex naraw kif il-poplu qiegħed ikellimna u jwassal il-messaġġ tiegħu ukoll. Dan kollu li ktibt narah b’mod ħaj kull meta nkun il-Pjazza Raħal Ġdid. Attività għaddejja u nies jitkellmu fir-rutina ta’ kuljum. 

Għalhekk bħala politiċi rridu noqogħdu attenti li ma ninqatghux mir-realtà tal-ħajja. It-tendenza tkun li mmorru fuq il-ktieb u nistudjaw it-teorija. Dan ix-xogħol huwa importanti għaliex il-professjonalità hekk titlob. Min hu bil-għaqal jippjana u jara kif jista’ jfassal strateġija li twassal għal dak l-għan partikolari. Pero’, fl-aħħar mill-aħħar, ’il boghod mill-pinna, l-ktieb u n-numri, l-effett irid ikun dak li jixtiequ n-nies.

Jien kuntent b’dak li sar din is-sena bħala Gvern Laburista li ħdimna qatigħ biex intejbu l-kwalità tal-ħajja. Fuq kollox ħaddanna t-twemmin tagħna bil-prinċipju tas-solidarjetà jirrenja matul is-sena kollha f’dan iż-żmien partikolari tal-pandemija. Kburi li jien nagħmel parti mill-Partit Laburista li bħala Gvern konna dejjem hemm f’dan iż-żmien difficli speċjalment mal-batut. Nahseb l-iktar li jisemmew kienu l-iskema tal-vouchers u l-wage supplement. Madanakollu, il-ħidma tal-Gvern ma waqfitx mal-pandemija biss. Sar ħafna xogħol fuq il-Governanza tajba u rajna li nsaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna ma’ oħrajn barranin. Is-saħħa kienet ta’ prijorità u filwaqt li ġie żgurat li dak kollu li hemm bżonn għall-pandemija isir mingħajr preċedent, baqgħu jingħataw is-servizzi l-oħra fl-isptar Mater Dei u l-polikliniċi. 

Sar ħafna xogħol fil-qasam soċjali meta l-aktar li l-poplu kellu bzonn. L-għan tagħna huwa li ntejbu l-kwalità tal-ħajja u neliminaw il-faqar li sfortunatament ċertu ċirkostanzi jġibu lil xi individwi fi stat ħażin. Ħdimna ħafna mal-persuni b’diżabilità u tajnihom iktar sapport lejn ħajja inklussiva u indipendenti. Hawnhekk irrid inżid l-iskemi li ħargu rigward l-akkomodazzjoni soċjali sabiex nolqtu lill-iktar firxa wiesgħa ta’ nies u nwennsu lil dawk il-familji u ndividwi biex jgħixu f’post adekwat bill-possibilità li jkunu sidien ta’ darhom.

L-ambjent ukoll tajnih spinta ’l quddiem u saru diversi proġetti li sebbħu iktar l-ispazji miftuħa. Bħalissa d-dinja qiegħda titkellem fuq d-diffikultajiet li hemm fis-suq fil-qasam tal-energija imma hawn Malta mxejna bil-għaqal matul is-snin u għandna stabbiltà. Fl-istess waqt ukoll qed inħarsu ’l quddiem u nimirħu fuq sorsi alternattivi oħra sabiex naraw kif f’pajjiżna innaqqsu l-emissjonijiet. 

Waqt li kien qiegħed isir dan kollu il-Gvern baqa’ għaddej bi proġetti infrastrutturali li għinu mhux ftit l-ekonomija ta’ pajjiżna filwaqt li tejjibna l-konnettività Issa qegħdin inħarsu wkoll lejn sorsi ta’ transport differenti sabiex innaqsu l-ħin tal-ivjaġġar u nżidu s-sigurtà fit-toroq tagħna.

Din is-sena kienet waħda partikolari fl-isports bl-introduzzjoni ta’ faċilitajiet sportivi li qegħdin jinbnew fuq livell internazzjonali sabiex l-atleti tagħna jkunu jistgħu jitħarrġu bl-aqwa mod. Dan il-Gvern qiegħed iħares li permezz tal-isports inkunu nistgħu norganizzaw attivitajiet internazzjonali li nattiraw l-interess lokali kif ukoll barrani. 

Biex inkunu qegħdin ngħidu kollox il-pandemija ma tantx għenet lil dawk li jaħdmu fil-qasam turistiku. L-isforzi baqgħu hemm u qegħdin nagħmlu minn kollox biex meta dan il-perjodu diffiċli jgħaddi nkunu minn ta’ quddiem nett biex nattiraw it-turisti lejn pajjiżna. 

Ninsab fiduċjuż li ż-żmien li ġej ser ikun aħjar minn dak li għaddejna minnu. Robert Abela wera l-abbilitajiet tiegħu u ha deċiżjonijiet importanti ferm biex pajjiżna baqa’ miexi ’l quddiem. L-isfidi kienu u huma kbar imma b’kawtela u għaqal għaraf li jżomm lil pajjiżna fuq saqajh. 

Finalment, ippermettuli nagħmlilkom appell biex nieħdu ħsieb xulxin u nipproteġu lil xulxin. Bħalissa l-każijiet tal-covid jinsabu tilgħin proprju fiż-żmien l-influwenza li ma jgħinx. Madanakollu, għandna l-vaċċin u issa wkoll il-booster li jgħinuna nkunu protetti u nimmitigaw din il-firxa tal-pandemija. Nħeġġiġkom sabiex tieħdu l-parir tal-professjonisti u l-awtoritajiet tas-saħħa u tmorru titlaqqmu. B’dan il-mod inkunu qegħdin niġġieldu lill-Covid-19 biex eventwalment nerbħulu u nerġgħu nersqu lejn in-normalità. 

Min-naħa tiegħi nwegħidkom iktar xogħol politiku biex inkomplu mat-tajjeb li sar matul din is-sena. 

Minn qalbi f’ismi u l-familja tiegħi nixtiqilkom il-Milied u s-Sena t-Tajba.

Il-Festi t-tajba.

Sport