Tuesday, April 30, 2024

Jammettu li qabbdu nar f’sit kulturali

Aqra wkoll

Erba’ studenti nisa Franċiżi li jinsabu Malta għal btala, tressqu l-Qorti fejn wieġbu ħatja li għamlu ħsara f’wirt kulturali, preċiżament fil-Park tal-Majjistral. 

Fanny Florence Marie Thibault ta’ 21 sena, Margaux Camiller Averseng ta’ 21 sena, Lea Mathide Pages ta’ 22 sena u Sarah Jeanne Melody Morand-Schmitz ta’ 20 sena ammettew ukoll li qalgħu mill-għeruq speċi ta’ pjanti protetti, ikkampjaw fil-Park u qabbdu nar mingħajr awtorizzazzjoni.

Il-każ seħħ l-Erbgħa li għadda, għall-ħabta tat-8.00 a.m. L-Ispettur Christina Delia informat lill-Qorti li l-imputati kkoperaw mal-pulizija fejn qalu li ma kinux konxji li dak li kienu qed jagħmlu kien illegali. 

L-Ispettur Delia qalet li s-Supretendent tal-Wirt Kulturali informaha li l-ħsara kkawżata kienet waħda minima u sseġġerixxiet li dawn jingħataw sentenza sospiża. 

L-Avukat Martha Mifsud, li dehret għall-imputati, qalet li ż-żgħażagħ kienu tgħallmu l-lezzjoni. “Għadhom żgħar. Huma riedu jqabbdu n-nar biex jixwu l-marshmallows. Kienu stupidi biżżejjed biex jikkawżaw din il-ħsara.” 

Il-Qorti se tkun qiegħda tagħti s-sentenza aktar tard waranofsinhar.

Sport