Thursday, April 18, 2024

Omm, Psikoterapista tal-arti u mudella rebbieħa ta’ Mrs Malta 2021

Aqra wkoll

Talk.mt f’intervista ma’ Nadine Cuschieri – ir-rebbieħa tat-tmien edizzjoni tal-konkors tas-sbuħija, Mrs Malta 2021. Cuschieri hija omm ta’ tifel ta’ ħames snin u tuża l-arti sabiex tgħin lil ħaddieħor jesprimi ruħu fejn tarah bħala metodu interessanti ħafna. 

Hija rebħet dan l-unur waqt attività organizzata nhar is-Sibt li għadda f’Castello Zammitello fl-Imġarr, organizzata minn Ivan Gaffiero li kienet mimlija spettaklu mix-xena tal-moda.

Bdejna biex tlabna lil Nadine jekk kinitx qiegħda tistenna li tirbaħ din il-kompetizzjoni u x’kienu l-emozzjonijiet li ħasset meta nqara’ isimha minn fuq il-palk…

Li kieku kelli nagħti aġġettiv biex niddeskrivi din l-esperjenza, nagħżel li ngħid li kienet waħda ferm intensiva. Kienet kompetizzjoni tajba ħafna bil-kontestanti kollha li kellhom potenzjal kbir. Meta nqara ismi, għall-bidu ma ridtx nemmen iżda mbagħad ħassejt sodisfazzjon kbir għal dak li rnexxieli nikseb. Dan kien ukoll frott ta’ ħidma kbira li jien u t-tim tiegħi wettaqna f’dawn l-aħħar xhur. Meta tara għalxiex wassal dan kollu, bir-raġun tħoss kuntentizza kbira.

Dak il-mument li smajt ismi, ħassejtni qiegħda f’dinja oħra. Kelli wkoll ħafna eċitament għax dawn kollha kienu emozzjonijiet ġodda għalija. Jien niżżiħajr b’mod partikolari ‘l familja tiegħi li kienet dejjem warajja kif ukoll lill-organizzatur Ivan Gaffiero li tana din l-opportunità unika li nieħdu sehem f’dan il-kuntest.

Semmejt il-kompetituri li kellhom potenzjal kbir. Dawn l-istess kompetituri tqishom bħala ħbieb u kollegi tiegħek waqt dan l-avveniment?

Barra l-palk iva rnexxieli nsir naf nies ġodda. Jekk insemmi iżda x’jiġri ġaladarba tkun fuq dak il-palk, l-affarijiet ikunu xi ftit differenti u mhux faċli tagħmel ħbiberiji. Bla ma trid ikun hemm xi ftit għira u anke kompetizzjoni żejda. Madankollu ngħid li kull kontestanta kellha karattru ħelu mmens u ħadt gost li kont parti minnu.

Iżda kif bdiet l-imħabba ta’ Nadine lejn l-immudellar?

Tista’ tgħid li minn dejjem kont interessata lejn din id-dinja li nqisha tant affaxxinanti. Ommi kienet tħit il-ħwejjeġ u jien kont inpinġilha l-pattern. Anke missieri ħeġġiġni sabiex inkompli f’din il-linja u għalhekk għamilt kuraġġ kbir. Sadanittant bqajt nistudja l-arti u għamilt ħafna ħbieb. Aktar tard għamilt ukoll sentejn nistudja barra minn Malta u eventwalment iżżewwiġt. Ir-raġel tiegħi Paul ħeġġiġni wkoll sabiex inkompli għaddejja fl-immudellar tant li għaxar snin ilu għamilt kors f’dan is-suġġett fejn nistqarr li tgħallimt ħafna affarijiet.

Wara kollox, hija rnexxielha tikseb dan is-suċċess wara biss sena tikkompeti…

Iva hekk hu kienet sena intensiva ħafna għalija u għat-tim tiegħi. Kull min kien parti minn din ir-rebħa għeni ħafna u huwa għalhekk li niddedikaha għalihom. Ħdimna ħafna fuq il-ħwejjeġ li kont se nilbes u ħafna tentufiet li fl-aħħar mill-aħħar huma ferm importanti. 

U fuq liema bażi mudella tiġi ġġudikata meta tkun qed timmudella?

Apparti l-lat fiżiku u dak tas-sbuħija, speċjalment bil-mod ta’ kif tippreżenta ruħek, huemm ukoll il-personalità u l-karattru tal-mara partikolari. Jien nemmen li kull bniedem ikollu l-lat pożittiv tiegħu bħala karattru. Ovvjament tidher dejjem is-sbuħija ta’ barra, iżda hemm ukoll dik ta’ ġewwa. Hu għalhekk li l-ġurija ssaqsik xi mistoqsijiet fejn int trid tkun brava biżżejjed sabiex twieġeb bl-aktar mod naturali iżda effettiv.

Nadine rebħet ukoll l-unur tal-aqwa personalità fil-punti finali. Kif ħassejtek wara dan kollu?

Kien titlu li kont onorata ħafna li ħadtu. Dan jikkonsisti billi l-ġurija ssaqsi xi mistoqsijiet partikolari, speċi ta’ intervista bħal meta qisek dieħla għax-xogħol. Kull ġurat jeżamina sew il-karattru ta’ dak li jkun. Tkun esperjenza intensiva ħafna iżda huma jsiru jafu min int eżatt f’dawk il-ftit minuti. 

Nadine ġejja mir-Rabat, raħal pittoresk fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. X’jirrappreżenta għalik dan ir-raħal?

Ir-Rabat jirrappreżenta l-maġġor parti ta’ ħajti. Għext it-tfulija tiegħi hemmhekk speċjalment meta kont nattendi l-iskola primarja ta’ dan ir-raħal. Anke ż-żgħożija tiegħi hi mmarkata b’ħafna episodji sbieħ li diffiċli ninsihom. Kemm kont inħobb nilgħab f’dawk it-toroq partikolari li għandna r-Rabat u min jaf kemm pinġejt postijiet!

Din l-imħabba hi relatata wkoll mal-isport fejn anke kellha ċ-ċans tilbes il-flokk ta’ Rabat Ajax riċentement. Nadine kemm hi dilettanta tal-isport?

L-isport inħobbu ħafna tant li meta kont żgħira kont nieħu sehem f’diversi attivitajiet. Ftit tal-jiem ilu, il-kumitat ta’ Rabat Ajax FC ikkuntattjani sabiex inkun preżenti għal-laqgħa li kienet se ssir fejn kien se jiġi ppreżentat it-tim. Jien ħadt xi ritratti mat-trofej li dan il-klabb rebaħ lura fiż-żmien. Jien kburija li nirrappreżenta dan ir-raħal tant pittoresk f’Malta.

U kif tipprepara ruħek fiżikament u psikoloġikament qabel xi avveniment?

Din hi mistoqsija tajba! Nista’ ngħidlek li hemm preparamenti kbar qabel ma nieħu sehem f’konkors tas-sbuħija u nitla’ fuq il-palk. L-ewwel u qabel kollox, ikun hemm l-ilbies li rrid nilbes waqt din is-serata li normalment ikunu tlieta, waħda tal-bidu, il-kostum u dik tal-għeluq. 

Hawn tidħol ukoll il-parti interjuri ta’ ġo fik fejn int trid tkun verament kunfidenti u temmen aktar fik innifsek. Ħafna nies ibatu minn kunfidenza baxxa minkejja s-sbuħija li tkun tidher minn barra. Hemm għalhekk preparazzjoni intensiva li trid issir sabiex dak kollu li tkun ħdimt għalih jagħti l-frott mixtieq.

Naidne hija omm u fl-istess ħin taħdem fil-qasam tal-edukazzjoni apparti li tieħu sehem f’diversi avvenimenti tal-immudellar. Kif jirnexxielha tlaħħaq ma’ dan kollu?

Importanti li torganizza ħinek tajjeb. Jekk ma tagħmilx hekk, ikun diffiċli li tkampa. Bejn it-tisjir, il-faċendi u t-trobbija tat-tifel, hemm ħafna xogħol involut. Jien ixxurtjata li r-raġel tiegħi jagħtini s-sapport meħtieġ apparti li anke n-nanniet jagħtu sehemhom ukoll sabiex ikolli ċans għal dawn l-attivitajiet. Kieku ma jkunux dawn il-persuni li huma tant għal qalbi, jkun diffiċli li nlaħħaq ma’ dan kollu.

Hija taħdem bħala psikoterapista tal-arti. X’jinvolvi dan ix-xogħol tagħha?

Ma tantx hawn ħafna nies f’dan ix-xogħol. Jien nuża l-arti sabiex ngħin lil ħaddieħor jesprimi ruħu u narah bħala metodu interessanti ħafna. Dan jista’ jintuża’ kemm ma’ adulti kif ukoll tfal li jien niltaqa’ magħhom ta’ spiss. Hawn min juża’ l-mużika u d-drama sabiex jesprimi ruħu. Dawn kollha huma metodi importanti sabiex toħroġ il-potenzjal tal-bniedem.

Jekk nitkellmu dwar it-tfal tal-lum il-ġurnata, ħafna jgħidu li għandhom moħħhom imtajjar u xi kultant ħsiebhom x’imkien ieħor. Fl-istess waqt naqas ukoll ir-rispett lejn l-awtorità. X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar dan is-suġġett?

Hu fatt magħruf li l-problemi żdiedu u hawn ħafna tfal li huma mtaqqlin b’ansjetà żejda li probabbilment iġorru fuq dak li jaraw id-dar. It-terapija li nagħmlulhom tgħin ħafna sabiex jistrieħu filwaqt li biha jibnu ħiliet li aktar tard jużawhom għall-ħajja ta’ kuljum. 

Kif taħdem eżattament mat-tfal?

Jien nara t-tfal individwalment sabiex huma jkunu jistgħu jitkellmu fuq dak li qed iħossu u naraw kif nista’ ngħinhom. Ikolli wkoll xi lezzjonijiet li nagħmilhom bħala klassi sabiex inqajjem kuxjenza fuq xi temi l-aktar importanti li jolqtu ħafna lit-tfal. 

Erġajna dorna fuq il-kompetizzjoni li Nadine ħadet sehem fiha. X’inhi l-opinjoni tagħha fuq l-organizzazzjoni mmexxija minn Ivan Gaffiero?

Fuq Ivan Gaffiero, nista’ ngħid biss affarijiet pożittivi. Hu raġel umli ħafna u qalbu jtihielek. Hu jaħdem sabiex jgħin lil ħaddieħor. Ivan jisma’ ħafna problemi u għandu l-kapaċita’ kif jilħaq lin-nies filwaqt li jagħmel ħafna ġid u jagħti ħafna opportunitajiet. 

Jekk nitkellem dwar din l-aħħar kompetizzjoni li ħadt sehem fiha, sabiħ li jkun hemm kategoriji ta’ konkorsi ta’ sbuħija li jagħtu opportunitajiet ġodda bħal din bejn in-nisa miżżewġin jew inkella xi oħrajn. Minn hawn ninżagħlu l-kappell kemm hu kapaċi joħloq xi ħaġa kbira minn sempliċi ħsieb. Ivan Gaffiero jemmen ħafna fuq il-karattru tal-bniedem fejn jarah fil-kumplessita’ tiegħu mhux biss minn barra.

Nadine se tkun qed tirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjoni internazzjonali?

Din hi ħaġa li għad irrid nitkellimha ma’ Ivan Gaffiero. Li hu żgur li f’Jannar li ġej se tkun Geraldine Ellul li se tkun qed tirrappreżenta lil Malta peress li hi rebħet dan l-avveniment is-sena l-oħra. Peress li l-kompetizzjoni ma kinitx saret minħabba l-Covid-19, hi se tmur għall-avveniment li jmiss. 

U kif taraha minn hawn u għaxar snin oħra?

Jien nimmaġinani li nkompli bl-arti kreattiva għax dan il-lat artistiku jogħġobni ħafna. Fuq kollox, narani wkoll li jiżdiedu l-opportunitajiet fid-disinn u l-kreattività. Jien stess pinġejt il-libsa fejn deher il-kostum Malti fin-nofs tas-serata. Nixtieq inkompli niżviluppa dan ix-xogħol li fl-istess ħin inqisu l-passatemp tiegħi.

Ringrazzjamenti finali li xtaqet tagħmel Nadine…

L-ewwel u qabel kollox, nirringrazzja lir-raġel tiegħi Paul li jgħinni ħafna sabiex inwettaq ħafna mill-ħolm li jkolli. Ovvjament ma rridx ninsa wkoll lill-familja kollha tiegħi li wkoll jagħtuni s-sapport. Fuq kollox lil Ivan Gaffiero li emmen fija u anke l-ħbieb li tant ikunu viċin tiegħi. Huma r-raġuni għalfejn jien ninsab hawn.

Nixtieq li bħala professjonista fil-qasam psikoterapewtiku nwassal messaġġ ta’ kuraġġ speċjalment lil dawk li ma tantx għaddejjin minn xi mument daqshekk faċli fil-ħajja. Importanti li tkun paċi f’qalbek u ma tħallix ħsibijiet negattiv jtaqqluk. Illum id-dinja b’mod partikolari permezz tal-mezzi soċjali, qed twassal aħbarijiet li ma tantx ikunu daqshekk sbieħ. Mela ejja nwasslu l-pożittiv sabiex aktar nies jemmnu fihom infushom.

Ekonomija

Sport