Tuesday, May 14, 2024

Jappellaw biex it-tiġrijiet ta’ Santa Marija jsiru bħas-soltu u mhux jitnaqqsu bin-nofs

Aqra wkoll

Is-Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863, organizzatriċi tal-festi esterni ta’ Santa Marija, li b’kollaborazzjoni mal-Gvern, torganizza t-tiġrijiet tal-bhejjem f’Għawdex qiegħda tiddeplora bil-qawwa kollha l-fatt li tnaqqas bin-nofs il-ħin allokat tat-tiġrijiet tradizzjonali ta’ Santa Marija.

Fi stqarrija maħruġa minnha, is-soċjetà qalet li r-raġuni unika min-naħa tad-Dipartiment tal-Regolamentazzjoni Veterniarji fi ħdan il-Ministeru tal-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, hi li bejn is-2pm u l-4pm, iż-żwiemel ikunu suġġetti għal moħqrija u trattament ħażin minħabba s-sħana; raġuni li titfa’ f’dell ikrah bl-aktar mod inġust lis-sidien taż-żwiemel li fl-imħabba u l-amor proprju lejn dawn l-annimali dejjem stinkaw biex jieħdu sehem fit-tiġrijiet nazzjonali ta’ Santa Marija.

Is-soċjetà kompliet tgħid li l-fatt illi ż-żwiemel ikunu suġġetti għax-xemx u s-sħana għal ħames minuti, dan ma jista’ qatt jitqies bħala moħqrija jew trattament ħażin. Il-ħin ta’ kull tiġrija ma jeċċedix il-1.2 minuti. Sadanittant, il-bhejjem kollha jkunu qegħdin jinżammu għad-dell bi provvista ta’ ilma kontinwa, fil-preżenza ta’ veterinarju li jiċċertifika li l-bhejjem huma kapaċi u f’kundizzjoni tajba għat-tiġrija.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Soċjeta Leone appellat lill-Gvern, lill-Animal Welfare u kull entità oħra sabiex jirrenja l-bon sens sabiex il-wirt ta’ pajjiżna ma jkomplix jiġi mhedded u mnaqqar, u t-tradizzjonijiet li jagħtu identita lil pajjiżna ma jinqerdux.

Mill-banda l-oħra is-Soċjetà tapprezza wkoll l-interess u d-delizzju ta’ dawk l-għexieren ta’ sidien tal-bhejjem, kif ukoll l-eluf ta’ dilettanti taż-żwiemel minn Malta u Għawdex li litteralment joħonqu Triq it-Tiġrija fir-Rabat ta’ Għawdex biex ma jitilfux din it-tiġrija storika, saħansitra storika aktar mill-famuż palju ta’ Siena.

Is-Soċjetà temmet tappella biex it-tiġrijiet isiru fil-ħin li dejjem saru għall-ħames mitt sena li għaddew anke b’rispett lejn dawn l-eluf ta’ dilettanti li jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma se jkollhom isegwu tiġrijiet ridotti bin-nofs.

Sport