Eluf ta’ truppi federali ġew skjerati f’għadd ta’ bliet Messikani li jinsabu qrib il-fruntiera mal-Istati Uniti, fosthom Tijuana, u dan hekk kif il-vjolenza minn gruppi kriminali kompliet teskala.
L-istat ta’ Baja California ġewwa l-Messiku kompla jesperjenza mewġa ta’ vjolenza fejn xejn inqas minn 30 vettura ngħataw in-nar filwaqt li għadd ta’ toroq arterjali ġew imblukkati. Dan segwa ġimgħa ta’ vjolenza u sparar f’diversi stati oħrajn madwar il-Messiku.
Il-gvern Messikan qiegħed jitfa’ l-ħtija ta’ dan fuq il-cartel tad-droga magħruf bħala Cártel de Jalisco Nueva Generación li huwa wieħed b’saħħtu ħafna. L-uffiċjali tal-pajjiż jemmnu li fil-preżent għaddejja ġlieda għall-poter bejn numru ta’ gruppi kriminali. S’issa f’din l-instabbiltà kollha ġew arrestati 17-il persuna.
Kawża tal-ġlied li ssokkta matul tmiem il-ġimgħa li għadda, it-toroq ta’ Tijuana kienu tista’ tgħid battala min-nies u dan hekk kif il-ħwienet baqgħu magħluqin, il-klassijiet tal-università ġew ikkanċellati kif ukoll is-servizz tal-karozzi tal-linja ġie mnaqqas drastikament.
Fid-dawl ta’ dan kollu, is-Sindku ta’ Tijuana, Montserrat Caballero, ħeġġeġ lill-barunijiet tad-drogi biex iwaqqfu din il-vjolenza immedjatament.