L-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech u l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca appellaw lill-Unjoni Ewropea biex tonora l-obbligi legali, morali u politiċi tagħha fid-dawl tal-kriżi umanitarja katastrofika f’Gaża.
F’ittra miftuħa lill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew, is-Sur Grech u l-President Emeritu Coleiro Preca saħqu biex l-istituzzjonijiet Ewropej isemmgħu leħinhom u jaġixxu b’ċarezza morali, konsistenza legali, kuraġġ politiku u solidarjetà umana.
Fi stqarrija konġunta, huma għamluha ċara li “dawn l-istituzzjonijiet mhumiex jaġixxu f’isimna. Il-qtil u l-ġuħ ta’ ħafna tfal u nies oħra ċivili huwa ksur inuman tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Dak li qed jiġri f’Gaża huwa test għall-impenn tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet umani. Gaża hija wkoll test għall-kredibilità u r-rilevanza tal-UE fuq il-futur tagħha. Issa huwa ż-żmien li naġixxu għax iż-żmien ma jistax jistenna aktar.”
Fl-ittra, huma ressqu talbiet sabiex l-Unjoni Ewropea taġixxi b’mod deċiżiv dwarhom għall-ġustizzja, paċi u l-umaniżmu fil-Palestina. Dawn jinkludu r-rikonoxximent ta’ Stat Palestinjan f’konformità mal-liġi internazzjonali u l-prinċipji li poplu jiggverna lilu nnifsu.
Huma sejħu wkoll għal impenn akbar u immedjat lejn waqfien mill-ġlied permanenti kemm f’Gaża kif ukoll fit-territorji Palestinjani okkupati. Dan filwaqt li għandu jiġi assigurat b’mod immedjat u mingħajr tfixkil l-aċċess umanitarju għall-ikel, l-ilma u provvisti ta’ mediċini fost oħrajn.
Intqal ukoll li l-partijiet għandu jinżammu responsabbli u kontabbli taħt il-liġi internazzjonali u tingħata protezzjoni u appoġġ lill-persuni ċivili fl-istess waqt li jkun hemm mekkaniżmi nkluż l-investigazzjonijiet li għaddejjin mill-Qorti Kriminali Internazzjonali.
Ħeġġu wkoll biex jittieħdu azzjonijiet effettivi li jinkludu sanzjonijiet u s-sospensjoni ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni tal-UE, li jiġi impost embargo biex jipprevjeni l-aċċess għall-armi u t-teknoloġija Ewropea li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar ksur tal-liġi internazzjonali. Fl-aħħar nett, l-ittra topponi kull espansjoni territorjali u tibdil demografiku fit-territorju okkupat Palestinjan.
B’żieda ma’ dan kollu, l-ittra li ntbagħtet lill-istituzzjonijiet Ewropej se tinbidel f’petizzjoni pubblika, biex tippermetti liċ-ċittadini Ewropej japprovaw it-talbiet kollha u jagħmlu sejħa kollettiva għal azzjoni. Din il-petizzjoni se tkun disponibbli għall-pubbliku fil-jiem li ġejjin.