Thursday, December 26, 2024

Jaqtgħu x-xewqa ta’ anzjan marid b’marda terminali b’kunċert quddiem id-dar tiegħu

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dak li seħħ riċentament żgur u mhux forsi se jibqa’ f’qalb ta’ ħafna nies, b’mod speċjali fil-qalb ta’ anzjan ta’ 93 sena li huwa marid b’marda terminali.

Dan hekk kif, wara li l-familja tiegħu appellat fuq il-midja soċjali, ittella’ kunċert fil-ġnien tad-dar tiegħu ġewwa Sunderland, fir-Renju Unit.

Kienet il-presentatriċi tar-radju tal-BBC Kelly Scott li rat din it-talba u minnufih bosta artisti madwar il-pajjiż bdew juru interess.

Jumejn biss wara, l-istazzjon tar-radju għen fl-organizzazzjoni tal-kunċert, bil-pjanist Mark Deeks u l-kantanta Jennifer Hastings ikantaw lil Dick Hockridge u lil martu Agnes, bi spettaklu fil-ġnien li l-koppja setgħet tgawdi mill-kumdità tad-dar tagħhom.

Spettaklu mill-isbaħ u ta’ emozzjoni kbira hekk kif bdew idoqqu uħud mill-kanzunetti li l-koppja kienu żifnu għalihom fil-passat, inkluż id-diska favorita tagħhom “Moon River.”

Dick, eks ħaddiem tat-tarzna, deher bilqiegħda hekk kif gawda dan l-ispettaklu minn wara t-tieqa, u ma naqasx milli jkanta ftit filwaqt li l-membri tal-familja tiegħu u l-ġirien raw dan iseħħ quddiemhom b’emozzjoni kbira.

Fl-aħħar tal-kunċert, Dick irnexxielu bi tbatija jgħid ftit kliem u qal: “Il-Milied it-tajjeb u s-Sena t-Tajba lil kulħadd fid-dinja kollha. Il-paċi magħkom. Grazzi.”

Ekonomija

Sport