Sunday, December 22, 2024

Jasal Malta l-ewwel ajruplan tal-Malta Air

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ilbieraħ waranofsinhar, wasal f’pajjiżna l-ewwel ajruplan tal-Malta Air B737-8200. Dan huwa wieħed minn sitt ajruplani li se jkunu qed jaslu f’Malta, fejn l-investiment f’kull wieħed minnhom ilaħħaq madwar €100 miljun. 

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-grupp Ryanair għażel lil Malta, u ddeskriva dan bħala turija oħra kemm fil-qasam tal-avjazzjoni, l-awtoritajiet b’mod partikolari Transport Malta, qed jagħmlu biċċa xogħol tajba u qed inisslu fiduċja fl-investituri.

Huwa semma wkoll kif ir-reġistru Malti tal-Avjazzjoni bil-marka 9H illum għandu fih mas-600 ajruplan irreġistrat. “Għaldaqstant qed inkomplu naraw talbiet għal liċenzji varji imma anke reġistrazzjonijiet tal-istess ajruplani.”

Huwa kompla billi nnota l-kredenzjali ambjentali li għandu l-ajruplan il-ġdid tal-Malta Air, fejn apparti li jġorr 4% iżjed tal-passiġġieri, bit-teknoloġija u l-effiċjenza tiegħu, inaqqas 16% tal-fjuwil u jnaqqas ukoll il-ħsejjes u l-istorbju b’40%.

“Din hija storja oħra ta’ suċċess. Però l-istorja ta’ suċċess mhijiex biss tal-Grupp jew tal-Awtorità. B’sodisfazzjon ninnota li numru ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija, ħafna minnhom huma Maltin,” tenna l-Ministru Borg filwaqt li qal li dan il-Gvern se jkompli jassisti lill-awtoritajiet u entitajiet li jsegwu oqsma importanti bħal dak tal-avjazzjoni. 

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Air David O’Brien li qal li: “Malta Air hija kburija li ttajjar il-Bandiera Maltija fuq dan l-ajruplan li huwa gamechanger. Inħarsu ‘l quddiem biex inżidu mas-sitt ajruplani tagħna li huma bbażati f’Malta u b’hekk inżidu mas-57 rotta diretta ta’ Malta servuti mill-Grupp Ryanair.”

“Għalhekk huwa ta’ pjaċir li nħabbar disa’ rotot ġodda minn Malta mix-xitwa li jmiss, li huma Eindhoven, Bucharest, Kiev, Lourdes, Milan, Malpensa, Paphos, Tallin, Varsavja u Zagreb,” qal O’Brien. 

Preżenti kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, il-Kaptan Charles Pace. 

Ekonomija

Sport