L-Avukat Jason Azzopardi nstab ħati li mmalafama lill-eks Ministru Carmelo Abela meta f’post fuq Facebook kien implika li kien kompliċi fl-attentat ta’ hold-up fuq il-Bank HSBC. Azzopardi ġie ordnat mill-Maġistrat Rachel Montebello jħallas kumpens ta’ €7,000 lill-eks Ministru.
Kien fl-2021 meta l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi allega li l-eks Ministru Abela kien kien imwiegħed ħlas ta’ €300,000 mis-serqa u kien allega wkoll li Carmelo Abela għadda filmati interni tal-kwartieri ġenerali tal-HSBC lil min wettaq is-serqa, sabiex jaċċessaw il-binja aħjar.
Ftit sigħat wara li Jason Azzopardi kien allega dawn l-affarijiet, Carmelo Abela kien fetaħ kawża ta’ livell kontrih fejn ċaħad bil-qawwa kollha l-allegazzjonijiet li kienu saru fil-konfront tiegħu.
Dakinhar hu kien qal li ser jiddefendi l-integrità tiegħu kontra l-malafama u l-gidba li kiteb fuqu Dr Jason Azzopardi.
L-Avukat Pawlu Lia deher għall-eks Ministru Carmelo Abela, filwaqt li Dr Azzopardi assistit mill-Avukat Joseph Zammit Maempel.
Intant, wara li ħarġet is-sentenza, il-Prim Ministru Robert Abela f’messaġġ fuq il-midja soċjali kiteb li “t-tfigħ ta’ tajn bl-iskop li forsi jeħel xi ħaġa m’għandha qatt post fis-soċjetà tagħna u se nkomplu nkunu qed nieqfu quddiem kampanji ta’ dan it-tip, intiżi biex iħammġu u jirrovinaw individwi li għandhom ħafna x’joffru lill-pajjiż.”