Friday, November 15, 2024

Jeħel 4 snin ħabs talli wettaq fastidju sesswali fuq mara u serqilha l-karozza

... Żamm mara kontra r-rieda tagħha, wettaq avvanzi sesswali fuqha u serqilha l-karozza

Aqra wkoll

Jeffry Varghese, Indjan ta’ 32 sena residenti San Pawl il-Baħar, kien ikkundannat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li żamm mara kontra r-rieda tagħha, wettaq avvanzi sesswali mingħajr il-kunsens tagħha u serqilha l-karozza. 

Il-każ seħħ fl-20 t’Awwissu 2021, għall-ħabta tas-7.00 p.m. fil-Qawra. Il-mara kienet xehdet li hija kienet qiegħda ssuq fi Triq it-Tamar, viċin ħafna tar-residenza tagħha. Qalet li f’ħin minnhom semgħet bħal ħoss u ħasbet li kienet ħabtet ma’ xi ħaġa u għalhekk ħarġet sabiex tiċċekkja.

Hija mbagħad ma rnexxilhiex tistartja l-karozza u l-akkużat li kien fil-viċinanzi offra li jgħinha. Dan irnexxielu jistartjaha u allegatament ipprova jsuq minn fuq il-post, bil-vittma jirnexxielha tidħol mill-bieba tal-passiġġier u talbitu biex jieqaf. 

L-imputat iżda baqa’ jsuq u allegatament beda jmissilha sidirha u anke jpoġġa jdejh fuq koxxitha. Qalet ukoll li l-imputat kien heddidha li jekk kienet se toħroġ mill-karozza kienu “se jisparawlha”. 

Eventwalment, l-imputat waqqaf il-karozza viċin il-Knisja tal-Qawra u l-mara b’xi mod irnexxielha toħroġ minnha. Huwa mbagħad telaq minn fuq il-post bil-karozza, li kien fiha l-affarijiet personali tagħha fosthom iċ-ċwievet. Din tal-aħħar ikkonfermat fil-Qorti li lil Varghese ma kinitx tafu jew ratu qabel. 

Il-karozza inkwistjoni eventwalment instabet fi Triq it-Turisti u raġel li jaqbel mad-deskrizzjoni li tat il-vittma kien instab f’karozza oħra u sussegwentement ġie arrestat. 

Fil-Qorti xehed ukoll Varghese li qal li waqt li kien ma’ sħabu ra mara titlob għall-għajnuna għax ma setgħetx tistartja l-karozza, liema karozza qal li kienet qiegħda timblokka t-triq.

Qal li wara li rnexxielu jistartjaha, huwa saq madwar il-blokka biex il-batterija tkun tista’ “tiċċarġja”. Sostna li l-mara kienet ħdejh fil-karozza f’xi ħin imma ma jiftakar xejn aktar minħabba li kien qed iħossu kemmxejn “stordut.” Qal li wara jiftakar li sab ruħu “rilassat” f’Mercedes ta’ lewn abjad u kien arrestat mill-pulizija.

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia osservat li l-mara kienet tat ix-xhieda tagħha diversi drabi u kull darba rrakkontat l-istess fatti fl-istess ordni kronoloġika, anke dwar l-azzjonijiet tal-imputat. Qalet li għalhekk ma kellhiex għalfejn tiddubita mill-verżjoni tagħha.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti qalet li l-fatt li l-imputat ma kienx ftakar x’ġara ma kinitx teżonerah mir-responsabbiltà. Kien għalhekk li l-Qorti kkonkludiet li l-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-akkużi kollha kontrih sal-grad rikjest mil-liġi u kkundannatu piena ta’ erba’ snin ħabs. 

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin kontra l-imputat u favur il-vittma għall-perjodu ta’ tliet snin.

Ekonomija

Sport