Sunday, December 22, 2024

Jeħel 9 snin ħabs talli stupra mara fuq bonnet ta’ karozza

Aqra wkoll

Eyob Melake Ecobagaber mill-Eritrea ġie kkundannat 9 snin ħabs wara li nstab ħati li fl-2019 stupra mara fuq bonnet ta’ karozza f’parkeġġ ta’ diskoteka f’Paceville.

Hu nstab ħati wkoll li żammha kontra l-volonta tagħha u anke li kkawżala ġrieħi ħfief.

Kien fl-2022 meta Ecobagaber kien ingħata l-ewwel sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati fejn kien ġie kkundannat 9 snin ħabs u multa ta’ €3,900. Iżda hu kien appella mis-sentenza fuq il-bażi li fis-sentenza kien hemm nieqsa d-data li fiha kienet ingħata l-istess sentenza.

Dan il-każ kien beda jiġi investigat wara li l-pulizija sabu lill-vittma tibki fil-parkeġġ nhar it-23 ta’ Mejju tal-2019. Meta ġiet mitkellma mill-pulizija kienet qalet li ġiet stuprata mill-akkużat u anke li hija kienet gidmitlu wiċċu biex tiddefendi lilha nnifisha. Hu kien ġie arrestat ftit tal-ħin wara.

Il-vittma kienet qalet li hi kienet ma’ ħabiba tagħha u ħarġet tpejjep sigarett. Qalet li kien kellimha raġel Franċiż u dan baqa’ miexi magħha sakemm sejjaħ lill-akkużat. Hu ħataf lil mara, stupraha. Kienet qalet ukoll li r-raġel l-ieħor kien stupraha mal-art.

Tim mediku kien ikkonferma li l-mara ġiet stuprata. Il-vittma qalet li hi rnexxielha taħrab wara li gidmitlu wiċċu u anke tatu daqqa bit-takkuna taż-żarbun. Espert tad-DNA mqabbad mill-qorti sab traċċi tad-DNA tal-akkużat fuq il-ħwejjeġ ta’ taħt tal-vittma.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li ma hemm l-ebda dubju li xi tip ta’ penetrazzjoni mill-imputat kienet seħħet. Il-Qorti qalet li hija tinsab konvinta mix-xhieda tal-vittma.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sabitu ħati u bagħtitu 9 snin ħabs u ordnatlu jħallas €4,000 fi spejjeż tal-Qorti.

Ekonomija

Sport