Raġel ta’ 31 sena residenti l-Marsa ġie kkundannat seba’ xhur ħabs wara li ammetta akkużi marbuta ma’ attentat ta’ traffikar ta’ kokaina u eroina.
L-Ispettur Steven Ryan Micallef li mexxa l-Prosekuzzjoni qal li fid-19 ta’ Marzu tal-2021 u fil-jiem ta’ qabel, l-imputat kellu fil-pussess tiegħu kokaina u eroina f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinux għall-użu personali.
Ir-raġel ammetta l-akkużi kontrih.
Meta ġiet biex tiddetermina l-piena, il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil ħadet inkunsiderazzjoni diversi fatturi, fosthom il-fatt li Mifsud għandu problema t’abbuż tad-droga.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti wkoll immultatu €700, waqt li nħarġet ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ tliet snin bil-għan li Mifsud jingħata l-għajnuna meħtieġa ħalli jindirizza l-vizzju.
Hu ġie ordnat ukoll iħallas €1,249 fi spejjeż relatati mal-proċeduri tal-Qorti.
