Monday, December 23, 2024

“Jekk nibqgħu flimkien, xejn u ħadd ma jista’ jwaqqaf il-progress”

Il-PM jinnota li l-PN qiegħed jagħżel li ma jinbidilx minkejja l-akbar telfa fl-istorja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Aħna rridu li l-Partit Laburista jibqa’ b’saħħtu mhux biex niftaħru b’kemm ġibna maġġoranza, iżda biex fuq kollox intejbu għall-aħjar il-ħajja tal-Għawdxin u l-Maltin kollha.” 

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista filwaqt li fakkar kif irridu nżommu f’moħħna kemm huwa kruċjali t-tiġdid u l-bidla biex nibqgħu noffru tmexxija kredibbli u soda għal pajjiżna. 

“Minn ħsibijiet ċari mxejna għal proposti definiti fil-manifest Malta Flimkien. U fil-kampanja tajt il-kelma tiegħi li kundizzjoni waħda kien hemm biex dawn l-elf proposta jsiru elf kisba ġdida.Nhar is-26 ta’ Marzu dik il-kundizzjoni twettqet. Għalhekk issa hija fuqna r-responsabbiltà li nwettqu dawk l-elf proposta. Irridu narawhom jibdew ikunu implimentati. Iva, issa l-mument tal-implimentazzjoni. Internament, mal-Kabinett u l-grupp parlamentari, bl-appoġġ anke tal-amministrazzjoni u t-tim li ħadem fuq il-manifest, bdejna minnufih naħdmu dwar dan. Għax waħda mill-iktar affarijiet li trid tibqa’ tiddistingwina minn forzi politiċi oħra hija dik li aħna partit, li mill-Gvern dejjem inwettqu dak li nwiegħdu.”

Abela qal li diġà beda internament il-proċess li jagħraf kif seta’ ddiżappunta lin-nies li appoġġjawh fl-imgħoddi. Spjega li dan il-proċess beda b’laqgħat twal b’ħafna ħsibijiet imma fuq kollox saret awto-kritika ġenwina u b’saħħitha.

Robert Abela esprima s-sodisfazzjon għall-kuraġġ li wera dan il-Partit b’diversi riformi fosthom iż-żieda fir-rappreżentanza femminili fil-Parlament. Huwa qal li b’daqshekk ma jfissirx li wasalna iżda li nżergħat iż-żerriegħa. Saħaq li jekk hemm xi ħaġa li tiddistingwi lill-partit immexxi minnu hi li fil-ġlidiet għall-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, qatt ma kien passiv iżda, dejjem kien protagonist.

“Ħaddieħor quddiem l-isfidi jagħżel li jaqta’ l-qlub, aħna ndaħħlu t-tama. Aħna mhu se naqgħu qatt fin-nassa li ngħidu wasalna”, kompla Robert Abela filwaqt li għamel referenza għal dak li għaddej fil-Partit Nazzjonalista jiem wara l-akbar telfa elettorali tiegħu fl-istorja. Abela fakkar li quddiem din is-sitwazzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa komdu li jibqa’ jwaħħal f’kollox u f’kulħadd minbarra fih innifsu biex iżomm is-siġġu. 

Robert Abela temm b’appell biex f’Jum il-Ħaddiem ningħaqdu flimkien biex niċċelebraw dan il-jum u nibagħtu messaġġ ċar li dan hu partit li jibqa’ joħloq l-opportunitajiet. “U allura l-istedina tiegħi hi biex nhar il-Ħadd li ġej ningħaqdu lkoll il-Belt biex wara tliet snin inkunu nistgħu niċċelebraw Jum il-Ħaddiem flimkien. Se tkun l-ewwel darba minn meta fdajtuni bħala mexxej tal-Partit Laburista li niċċelebraw kif jixraq Jum il-Ħaddiem. Hemm se nibagħtu messaġġ pożittiv. Nibagħtu messaġġ li dan jibqa’ l-partit tax-xogħol li jgħin lil min jaħdem u lil min joħloq l-opportunità biex wieħed jaħdem. Nibqgħu nibagħtu messaġġ li dan hu pajjiż fejn se nkomplu naħdmu flimkien għall-futur sabiħ.”

Ekonomija

Sport