Friday, July 26, 2024

Jekk tagħmel 5,000 pass kuljum jista’ jkollok saħħa tajba

Aqra wkoll

Sa ftit taż-żmien ilu, riċerkaturi li jistudjaw is-saħħa tal-bniedem kienu jgħidu li biex persuna jkollha saħħa tajba trid timxi 10,000 pass kuljum. Però, studju ġdid juri li 5,000 pass kuljum huma biżżejjed.

L-istudju sar fost 226,000 persuna minn madwar id-dinja u wera li jekk wieħed jagħmel aktar minn 4,000 pass kuljum ikun qed inaqqas ir-riskji li jmut żgħir jew inkella li jaqbdu mard f’età żgħira.

Skont l-istess studju, jekk wieħed jimxi 2,300 pass kuljum ikun qiegħed jgħin ħafna lill-qalb u anke l-vini tal-ġisem biex id-demm jgħaddi aħjar. Ir-riċerkaturi jgħidu li aktar ma żżid passi kuljum aktar hemm benefiċċi għas-saħħa.

Dan l-istudju sar minn tim ta’ riċerkaturi mill-Università Medika ta’ Lodz, fil-Polonja, kif ukoll mill-Università ta’ Johns Hopkins, fl-Istati Uniti. Huma sabu li l-benefiċċji tal-mixi jgħoddu għal kull persuna fid-dinja, irrelevanti mill-età, is-sess jew inkella fejn tgħix. Minkejja dan, l-akbar benefiċċju tal-mixi hu għal dawk li għandhom inqas minn 60 sena.

Il-Professur Maciej Banach, mill-Univeristà ta’ Lodz, qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-mediċina qed tavvanza u għalhekk hemm aktar kura fis-suq għal kull tip ta’ mard.

“Nemmen li biex wieħed jevita l-mard għandu jbiddel l-istil ta’ ħajja li jgħix, fost l-oħrajn billi jara li jkollu dieta tajba u jagħmel eżerċizzju kuljum,” qal il-Professur Banach.

Skont data tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jingħad li kull sena madwar 3.2 miljun persuna minn madwar id-dinja qed imutu kawża tan-nuqqas ta’ attività fiżika. 

Honey Fine, li jagħti taħriġ personali fil-gyms, qal li l-akbar problema li jara fost il-klijenti tiegħu hija li matul il-ġurnata jagħmlu ħafna mill-ħin bilqiegħda. “Jekk inti tagħmel ħafna ħin bilqiegħda, dan ifisser li qed twaqqaf il-metaboliżmu kif ukoll ikun hemm effetti kbar fuq il-muskoli. Dan imbagħad iwassal għal uġigħ fl-għadam u fil-muskoli,” tenna Fine.

Ekonomija

Sport