Thursday, December 26, 2024

“Jekk tajna kelma, in-nies jafu li se nżommuha” – il-PM

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Waqt li pparteċipa f’Awla minn ġewwa l-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela beda biex jitkellem fuq il-pensjonanti u qal li bħal kull ħaġa oħra biex titkellem fuq is-suġġett irid ikollok track record illi jagħti prova li inti kapaċi tagħmel u li se tkun qed iżżomm kelmtek. Hawnhekk qal li fil-qasam tal-pensjonijiet mhux biss fl-2017 għamlu manifest elettorali u taw il-kelma tagħhom, imma meta ġew għall-implimentazzjoni taw saħansitra aktar minn dak li kienu wegħdu.

“Jekk tajna kelma, in-nies jafu li se nżommuha. Hemm elf proposta u n-nies jafu li se nimxu magħhom u li se nżommuhom,” qal Dr Abela.

Semma dak li qed jipproponu fil-qasam tal-pensjonijiet fejn qed jipproponu żieda ta’ mill-inqas €15 fil-ġimgħa fuq iż-żidiet li diġà ngħataw u l-proposta ta’ mediċini b’xejn għall-anzjani.

Tkellem dwar iċ-ċekkijiet u semma kif fost l-oħrajn l-anzjani qed jgħidu kemm kien importanti, minkejja li l-Oppożizzjoni tibqa’ tinsisti li din hija politika tal-gimmicks u eżempju ta’ governanza ħażina.

“Jekk iċ-ċekkijiet kien hemm bżonn li jintbagħtu issa f’dan il-mument partikolari, aħna ma nagħmlux bħalhom li dejjem jipposponu u ma jgħinu qatt lin-nies.”

Tkellem ukoll dwar kif l-anzjani jistgħu jibqgħu jgħixu fid-dar fejn trabbew. Semma kif bħalissa diġà hemm għotja li tingħata lill-persuni ta’ aktar minn 75 sena u qal li jekk jingħataw il-fiduċja dik l-għotja se jżieduha b’€200 oħra. Aċċenna għall-inizjattiva oħra li kienu introduċew qabel fejn l-anzjani jistgħu jagħżlu l-helper of your choice li jassistuhom fir-residenza tagħhom. Minkejja li diġà kienu qed jagħtu għotja b’saħħitha ta’ €7,000, dik l-għotja issa se jżieduha biex tilħaq il-paga minima nazzjonali.

“Differenti ħafna mill-proposti tal-Oppożizzjoni, dawn il-wegħdiet ma jiġux b’ħafna termini u kundizzjonijiet magħhom. Jekk taraw il-manifest tal-Oppożizzjoni, kull proposta li għandhom fiha il-‘jekk’ jew ‘imma’ jew il-forsi. Magħna tafu li dik hija miżura ċara.”

Dr Abela tkellem ukoll dwar id-dimenzja u qal li din ma tolqotx lill-anzjani biss. Hemmhekk qal li qed jaraw li jkun hemm direttorat li jkun inkarigat b’mod speċifiku fuq dan il-qasam li l-funzjonijiet tiegħu jkunu li jmexxi ‘l quddiem l-istrateġija tal-Gvern u jservi bħala punt ta’ riferenza għall-pazjenti li jbatu bid-dimenzja kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom. 

Qal li meta jitkellmu fuq il-kwalità tal-ħajja, l-attenzjoni li jridu jagħtu lis-saħħa mentali għandha definittivament tkun fil-prijoritajiet tagħhom. 

Turiżmu

Dr Abela tkellem dwar id-diversi modi kif il-Gvern kien ta’ spalla matul il-perjodu tal-pandemija. Aċċenna għall-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika u għall-iskema tal-vawċers li kienu nedew minkejja li dakinhar ma kienx hemm elezzjoni. Qal li għamlu dan għax jappoġġjaw lin-nies. 

Semma l-wage supplement u qal li meta titkellem ma’ kull settur tan-negozju tagħna jgħid li dan  kien l-iktar għodda importanti biex salvaw in-negozji u l-impjiegi. Dan apparti mill-fatt li għen biex ma jimmaterjalizzax it-tbassir ta’ aktar minn 50,000 persuna bla xogħol, illum għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja u għandna l-aktar nies li qed jipparteċipaw fis-suq ta’ xogħol. Dr Abela qal li grazzi għall-ħidma kontinwa tal-Gvern li qatt ma waqaf jinvesti fin-nies. Semma kif fil-manifest elettorali issa hemm 35 miżura b’mod speċifiku għas-settur turistiku.

Fost l-oħrajn qal li se jkollna sajf kif aħna mdorrijin bih b’mod tradizzjonali fejn qal li hemmhekk is-settur kulturali għandu rwol importanti. Qal li bl-istess mod li kien it-tarka tal-poplu kollu waqt il-pandemija, jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja, se jkompli jaħdem kemm jiflaħ biex ikompli jkun it-tarka ta’ kull settur ekonomiku tal-pajjiż kif ukoll tal-poplu kollu inġenerali.

Huwa għalaq b’messaġġ finali fejn qal li l-aqwa għodda li wieħed għandu fid-deċiżjoni huwa l-vot. Qal li jifhem min għad għandu weġgħat personali u qal li fejn hemm soluzzjonijiet ġustifikati, in-nies għandhom jibqgħu jersqu lejhom biex jinstabu s-soluzzjonijiet.

“Dejjem emmint li l-aħna akbar mill-jiena. Jien waħdi ma jien xejn u għalhekk għandi bżonnkom biex inwasslu dan il-messaġġ biex fis-26 ta’ Marzu kulħadd jagħti d-deċiżjoni tiegħu favur li dan il-pajjiż jibqa’ miexi ‘l quddiem. Ħaddiehor diġà qalilna li se jkun qed jinterpreta lil dawk li jiddeċiedu li jibqgħu d-dar bħala vot favur il-politika tiegħu, il-politika li tirreżisti kull riforma. Fis-26 ta’ Marzu għandna jum importanti għax huwa pass kruċjali lejn ġejjieni isbaħ għal pajjiżna.”

Ekonomija

Sport