Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek għall-futbol?
L-imħabba lejn il-futbol bdiet fil-bitħa tan-nanniet, fejn il-familja kienu jiltaqgħu kull nhar ta’ Ħadd għall-ikel. Kien hemm ftit ħaxix fejn jien u l-kuġina konna nilagħbu kull nhar ta’ Ħadd.
Kif ġejt tilgħab Malta?
Wasalt Malta b’rakkomandazzjoni tal-manager tiegħi Pedro Calcado, li lagħab Malta għal żmien twil.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Naxxar Lions FC.
B’differenza għas-snin li għaddew, qed ikollna ftit diffikultajiet fir-riżultati dan l-istaġun, fejn kellna diversi logħbiet b’prestazzjoni tajba u li r-riżultat ma wasalx, iżda l-coaching staff flimkien mal-atleti qed jagħtu lilhom infushom għall-massimu biex ireġġgħu lura din is-sitwazzjoni.
Dan l-aħħar irbaħt il-LifeStar MVP għal Frar. X’inhuma l-kummenti tiegħek?
Hija xi ħaġa ta’ sodisfazzjon kbir li tkun taf li x-xogħol kollu li nagħmel ikun rikonoxxut. Kull min jafni jaf kemm naħdem u nistinka biex nagħmel l-aħjar tiegħi fil-grawnd, u xi ħaġa li għidt lil kulħadd fid-dressing room dakinhar, dan kien possibbli biss minħabba l-prestazzjoni ta’ kulħadd … tat-tim ikollu.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Kompetittiv ħafna, tattikament, fiżikament, minn meta wasalt Malta seba’ staġuni ilu, rajt biss il-livell jogħla sena wara l-oħra.
U l-livell tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
Il-grawnds b’ħaxix naturali huma tajbin ħafna, għalkemm wieħed minnhom għadda minn sekwenza ta’ logħob u fejn ix-xita qawwija kkaġunatlu ħafna ħsara iżda dejjem ikun ikkurat tajjeb ħafna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħalissa ninsab iffukat li nagħti l-massimu tiegħi kollu lin-Naxxar ħalli noħorġu minn din is-sitwazzjoni li ninsabu fiha, u bil-fokus ta’ kull min hu involut inżommu postna għall-premier league tal-istaġun li ġej.
Għaddi messaġġ finali lil dawk iż-żgħażagħ li huma lesti li jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Jekk tħobb il-futbol, iġri wara l-ħolm tiegħek, huwa ‘worth it’, għax żomm f’moħħok li l-mixja hija twila u l-aktar iffukati u dedikati għandhom l-akbar ċans li jaslu s’hemm!