Wednesday, December 25, 2024

Jerġa’ jitressaq il-Qorti mixli bi vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu

Aqra wkoll

Hassan Youssef Sulayman ta’ 23 sena mis-Sudan iżda residenti Ħal Qormi nżamm arrestat wara li ġie mixli b’akkużi dwar vjolenza domestika għat-tieni darba fuq is-sieħba tiegħu.

L-allegat każ seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda f’residenza f’Ħal Qormi. Sulayman kien mixli li għamel inġurji jew theddid fuq is-sieħba tiegħu u li kkaġunalha ġrieħi ta’ natura ħafifa.

L-imputat wieġeb mhux ħati ta’ dawn l-akkużi, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest fejn argumentat li l-allegata vittma sofriet il-ġrieħi mhux minħabba dak li allegatament qed jingħad li twettaq mill-imputat iżda għax kienet fis-sakra, waqgħet u weġġgħet.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal-libertà proviżorja fejn saħqet li l-imputat diġà kien tressaq b’rabta ma’ vjolenza domestika fuq l-istess vittma xahar ilu iżda hija kienet ħafritlu u l-każ waqaf hemm. “Ħdax-il ġurnata wara, l-allegata vittma reġgħet spiċċat l-Isptar bi ġrieħi f’rasha u kellha jsirulha xi punti,” żiedet tgħid il-Prosekuzzjoni.

Il-Maġistrat Charmaine Galea, li quddiemha tressaq l-imputat, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li huwa jibqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar. L-Avukat Mario Cutajar deher għall-imputat.

Ekonomija

Sport