Monday, December 23, 2024

Jerġa’ jitressaq il-Qorti mixli li xerred materjal pornografiku tal-eks sieħba

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel li ammetta li xerred materjal pornografiku ta’ dik li qabel kienet is-sieħba tiegħu, reġa’ ġie akkużat fil-Qorti b’aġir ta’ tpattija billi reġa’ ċċirkola l-istess materjal pornografiku dwarha.

Ir-raġel ta’ 44 sena u joqgħod iż-Żejtun, kien akkużat li wettaq dawn ir-reati f’Novembru u Diċembru li għadda.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras semgħet kif ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar biex tkun protetta l-identità tal-vittma, kien diġà mixli li ċċikola materjal simili f’Ottubru.

F’dik l-okkażjoni, huwa kien wieġeb ħati u ngħata sentenza sospiża. Tliet ġimgħat wara, intqal li l-istess filmat reġa’ beda jiċċirkola, did-darba permezz ta’ profil ieħor ta’ Facebook.

Il-vittma kienet għamlet rapport ieħor mal-pulizija u investigazzjonijiet wasslu għall-akkużat, li nstab li kien qed jagħmel użu minn profil falz. Ir-raġel iżda wieġeb mhux ħati tal-akkużi li kienu jinkludu wkoll l-użu ħażin ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika u li wettaq rreat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

Huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest minħabba li l-allegata vittma u dawk li rċevew il-filmat għad iridu jagħtu x-xhieda tagħhom f’dawn il-proċeduri.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri, li qed jidhru għall-imputat, talbu lill-Qorti biex taħtar psikologu sabiex il-klijent tagħhom ikun jista’ jingħata t-trattament li għandu bżonn.

Huma wkoll talbu sabiex l-imputat jinżamm l-Isptar Monte Carmeli, bil-Qorti tilqa’ dawn it-talbiet.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.

Ekonomija

Sport