Il-Parlament Malti lbieraħ ħa pass storiku fejn unanimament ivvota sabiex tiġi emendata l-Kostituzzjoni ta’ Malta wara Abbozz imressaq mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia. Permezz ta’ dan se tiżdied id-diżabilità bħala karatteristika protetta fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali garantiti minn tali Kostituzzjoni.
Il-Ministru Farrugia spjegat illi dan l-Abbozz tressaq mhux biex persuni b’diżabilità jingħataw drittijiet ġodda, għaliex dawn id-drittijiet huma diġà garantiti permezz tal-obbligi internazzjonali ta’ Malta, kif ukoll ta’ liġijiet oħra domestiċi. Madanakollu kien għadu mhux possibbli illi persuna jew entità tagħmel talba dwar ksur ta’ drittijiet, jew dwar diskriminazzjoni, fir-rigward tal-garanziji fundamentali li tipprovdi għalihom il-Kostituzzjoni ta’ Malta. Għaldaqstant dan il-pass kien meħtieġ sabiex din il-garanzija tidħol fis-seħħ billi formalment jiġu estiżi l-protezzjonijiet Kostituzzjonali u d-dritt li persuna tkun tista’ tieħu azzjoni.
“Qegħdin nikkonfermaw, fl-ogħla liġi tal-pajjiż, illi kull persuna b’diżabilità f’Malta u f’Għawdex hija wkoll parti min-nazzjon tagħna. B’dan il-pass, qegħdin irroddu lura d-dinjità lil dawn il-persuni, bl-istess mod illi dan il-Gvern ra li tiġi ritornata d-dinjità lill-persuni LGBTIQ+ permezz ta’ emendi simili fl-2014,” sostniet il-Ministru Farrugia.
Il-Ministru Farrugia qalet ukoll li dan mhuwiex ġest simboliku biss iżda parti minn pakkett usa’ u kontinwu ta’ miżuri, kemm leġislattivi kif ukoll prattiċi, illi dan il-Gvern ser ikompli jwettaq skont il-Manifest Elettorali tiegħu. “Dawn il-miżuri jinkludu skemi bħall-estensjoni tal-assistenza personali u l-baġits personali, bħala għodda lejn l-għixien indipendenti. Dan flimkien ma’ leġislazzjoni kumplimentarja li ssaħħaħ il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità, permezz tat-tisħiħ tal-proċessi marbuta ma’ lmenti u infurzar, kif ukoll aċċess għall-ġustizzja u tal-istrutturi rilevanti, f’konformità mal-obbligi ta’ pajjiżna u dawk internazzjonali,” temmet tgħid il-Ministru Julia Farrugia.
