Ir-rapport annwali tal-Jobsplus għas-sena li għaddiet, li ġie diskuss ukoll fil-Parlament fil-jiem li għaddew, wera mhux biss kemm din kienet sena b’suq tax-xogħol b’saħħtu u dinamiku, iżda wkoll b’domandi ġodda fuq il-ħiliet, il-produttività, il-kwalità tax-xogħol, il-ġustizzja fuq il-post tax-xogħol u l-inklużjoni.
Huwa kollu minnu li Malta kompliet tesperjenza livell għoli ta’ ħolqien ta’ impjiegi u parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Is-suċċess kbir li qed jiġi rreġistrat f’dan is-settur, flimkien mat-tkabbir ekonomiku, qed jissarraf ukoll f’pagi u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema.
Madanakollu, irridu nirrikonoxxu li bħal f’kull settur ieħor, is-suċċess iġib miegħu numru ta’ sfidi u realtajiet ġodda. Pereżempju aktar negozji qegħdin ifittxu ħaddiema b’kompetenzi speċifiċi waqt li fuq in-naħa l-oħra, il-ħaddiema jfittxu opportunitajiet aktar stabbli u li jippermettulhom javvanzaw.
F’dan ir-rigward, element importanti jibqa’ t-taħriġ. U hawn ninnutaw li Jobsplus, matul is-sena li għaddiet, kompliet twessa’ l-portafoll tat-taħriġ tagħha. Tant hu hekk li fl-2025 ġew offruti 461 kors, li laħqu 5,875 persuna. Tmienja u sebgħin fil-mija minn dawk li bdew il-korsijiet lestewhom b’suċċess.
Għalhekk f’suq tax-xogħol li kontinwament qiegħed jinbidel, l-investiment fil-ħiliet jibqa’ parti essenzjali mill-produttività, kif ġie nnutat ukoll mill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard.
B’ħarsitna ’l quddiem, irridu naraw kif nisfruttaw bl-aħjar mod l-avvanzi teknoloġiċi b’tali mod li nagħmlu l-aħjar użu tagħhom fil-ħidma tagħna ta’ kuljum. Irridu naraw ukoll li dawn l-għodod ġodda jgħinu biex jitjiebu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-istess waqt li jkunu protetti l-impjiegi.
Barra minn hekk, minn dawn il-kolonni kemm-il darba nsistejna wkoll fuq l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja biex wieħed kontinwament itejjeb il-karriera tiegħu u jkompli miexi ’l quddiem.
Huwa għalhekk li f’dan l-isfond, il-prijoritajiet ewlenin li joħorġu mir-rapport tal-Jobsplus huma ċari – li tkompli tkun imħeġġa l-parteċipazzjoni b’mod speċjali fejn għad hemm ostakli, li jissaħħu t-taħriġ u r-reskilling waqt li tkompli titjieb il-kwalità, il-produttività u ż-żamma tal-ħaddiema.
